Lokali

Mix-xemx għall-maltemp: Stennew temp bix-xita, is-sajjetti u riħ qawwi fil-jiem illi ġejjin

Wara li gawdejna tmiem u bidu ta’ sena ġdida b’temp xemxi u b’temperaturi komdi, l-ewwel u t-tieni ġimgħa tas-sena qed jiġbdu lejhom ħalbiet tax-xita b’riħ qawwi.

Fil-fatt, fl-aħħar jiem kellna ġranet ikkaratterizzati bi sħab, xita u anke riħ qawwi li laħaq qawwa ta’ riefnu. L-Uffiċċju Metejoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed ibassar li se naraw jiem bil-maltemp, bix-xemx li ftit li xejn se tkun qed tidher.

Dan se jwassal biex it-temperaturi se jinżlu sew tant li t-Tnejn se tkun l-iktar baxxa matul il-jum, bl-għola temperaturi se titla’ għal 14-il grad celcius u tinħass biss 12-il grad. Dan apparti li filgħaxijiet, it-temperatura mistennija tinżel ferm iktar, bit-Tlieta u s-Sibt din se tkun qed tinżel għal 10 gradi.

Għas-sigħat illi ġejjin, ir-riħ ma jidhirx li se jkun qed itaffi wisq tant li għandna nibqgħu nesperjenzaw riħ ta’ forza 6 għal 7. Fil-jiem ta’ wara, ir-riħ se jkun qed ibatti xi ftit iżda lejn tmiem il-ġimgħa mistenni li jerġa’ jibda jonfoħ b’saħħa mill-ġdid.

Il-baħar ukoll jinsab qawwi ħafna u mhux mistenni li jikkalma għall-jiem li ġejjin. Fil-fatt, wieħed huwa mħeġġeġ biex jevita l-kosta.

Dan il-maltemp b’riħ u baħar qawwi qed joħloq anke ħsarat fuq il-gżejjer Maltin tant li persuni li tkellmu magħna qalulna li diversi karozzi li kienu pparkjati fiċ-Ċirkewwa spiċċaw bi ħsarat kbar kaġun ta’ dan.