Futbol Sport

Naxxar ikomplu jkabbru l-inkwiet ta’ Valletta

(Ritratt: Josef Fitpatrick)

Andrè Muscat

VALLETTA………………………1

NAXXAR LIONS………………2

Valletta : J. Galea, J. Bolanos, E. Ruiz, O. Barrientos (H. Silas 87’), S. Dimech (J. Azzopardi 61’), F. Falcone, B. Paiber, L. Prestes, J. Vega (E. Garba 87’), N. Micallef (D. Cardoso 46’), J. Benites (A. Ferraris 87’)

Naxxar Lions: M. Debono, N. Micallef, F. Barbosa, N. Pace Cocks, A. De Carvalho, E. Farias, G. Cassar, T. Yamaguchi (R. Blandon 87’), E. Da Conceicao, M. De Souza, V. Moura

Skorjaw: T. Yamaguchi 5’ (N), E. Farias 30’ (N), F. Falcone 47’ (V)

Imwissija: N. Micallef 84’, N. P. Cocks 90+5 (N), F. Falcone 90+2′ (V)

Referee: Slobodan Petrovic

Assistenti Referees: Luke Portelli u Robert Curtis

BOV Plejer tal-Logħba: Takuma Yamaguchi (Naxxar)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Takuma Yamaguchi (Naxxar)

Fl-Istadium Nazzjonali n-Naxxarin komplew bil-mixja pożittiva u ħadu l-punti massimi fl-ewwel konfront tas-sena 2024 kontra Valletta. Min-naħa l-oħra jkompli jikber l-inkwiet għall-Beltin li bħalissa jinsabu fiż-żmien ta’ tranżizzjoni f’dik li hi tmexxija tal-klabb.

Kienu l-Lions li ħarġu fuq l-offensiva u wara 5 minuti logħob jiftħu l-iskor, meta Yamaguchi irċieva kross mingħand Maicon minn fuq il-lemin bil-Ġappuniż ma’ żbaljax biex tefa’ l-ballun wara Jake Galea.

Fis-27 minuta logħob Naxxar viċin li jirduppjaw, meta corner ta’ Maicon issib lil Neil Pace Cocks li dan tal-aħħar ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi devjata f’corner ieħor.

Man-nofs siegħa logħob in-Naxxarin jirduppjaw, bil-Brażiljan Augusto jitfa’ kross mix-xellug lejn il-kompatrijot tiegħu Edson Farias, tal-aħħar jidħol bil-ġirja u jfajjar xutt b’saħtu biex b’hekk għamel l-iskor 2-0 favur il-Lions.

Bin-Naxxarin ferm aħjar mill-Beltin, mat-tisfira tat-tmiem l-ewwel taqsima l-Lions daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu u mistħoq.

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Valletta joħorġu fuq l-attakk u kien is-solitu Federico Falcone li approfita’ minn żball tal-goalkeeper żgħażugħ Matthias Debono, bl-Arġentin jintelaq minn tulu biex bir-ras tefa’ fil-lasta Naxxarija, biex b’dan il-gowl daħħal lura lill-Beltin fil-logħba.

Tasal ir-reazzjoni ta’ Naxxar fil-51 minuta, meta ħarba ta’ Augusto jipprova, iżda x-xutt tiegħu jiġi devjat f’corner.

Augusto jerġa’ jittanta xortih fil-55 minuta wara li rċieva pass fit-tul mingħand Yamaguchi, bil-Brażiljan javvanza fil-kaxxa l-kbira u b’azzjoni personali, jara’ x-xutt tiegħu salvat mill-goalkeeper Belti Jake Galea.

Il-Beltin kompleq jagħfsu għad-draw u fis-57 minuta cross mill-lemin ta’ Paiber lejn Shaun Dimech, bil-captain Belti jara’ t-tentattiv tiegħu jagħdi ftit barra mill-lasta Naxxarija.

Kien Paiber li fit-68 minuta mar viċin li jġib id-draw għal Valletta, wara li rċieva cross mix-xellug bit-tentattiv tiegħu jaħbat mal-mimduda.

Fid-89 minuta Valletta jerġgħu jkunu viċin li jġibu d-draw, meta minn taħt il-lasta ż-żgħażugħ Jake Azzopardi jara’ x-xutt tiegħu jagħdi minn fuq il-mimduda.

L-isforzi tal-Beltin kienu kollha għalxejn, għax mat-tisfira finali tar-referee Slobodan Petrovic in-Naxxarin ħarġu bit-tlett punti, filwaqt li l-Beltin baqgħu ankrati fiż-żona relegazzjoni.