Lokali

Tikber il-pressjoni bejn dawk li jridu l-post battal li se jħalli Chris Fearne ftit tax-xhur oħra

Issa uffiċjali – il-Prim Ministru Robert Abela ħejja kollox sabiex jeħles minn Chris Fearne. Dan hekk kif f’reshuffle li ħasad lid-Deputati Laburisti, Abela neħħa r-responsabbilta tas-Saħħa minn idejn Fearne. U minflok poġġieh Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Drittijiet tal-Konsumatur. Mossa li ċertament issa kkonfermat li minn hawn u ftit tax-xhur oħra d-Deputat Mexxej tal-Labour mhux se jkollu aktar siġġu mal-mejda tad-deċiżjonijiet hekk kif se jkun qed jieħu post Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew għall-Malta.

Dan ifisser li t-taqbid intern fi ħdan il-Partit Laburista mhux se jkun qiegħed jieqaf hawn bit-tiġrija għas-sostitut ta’ Fearne bħala Deputat Mexxej mistennija tibda minn issa.

Minfloku…fil-Kabinett… JoEtienne Abela inħatar Ministru għas-Saħħa, b’Malcolm Paul Agius Galea jinħatar Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani.

Fl-aħħar xhur u snin il-familji Maltin u Għawdxin kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni xejn pjaċevoli fl-isptarijiet tagħna; mediċini out of stock, pazjenti rikoverati fil-librerija u l-canteen tal-Isptar Mater Dei, pazjenti fuq stretchers fil-kurituri mingħajr tieqa, privatezza, jew tal-inqas doċċa diċenti, waiting lists ma jispiċċaw qatt, jew saħansitra nisa li qed jistennew tarbija jintbgħatu d-dar għax m’hemmx spazju għalihom. Dan meta anqas minn 24 siegħa qabel ma nħatar Ministru għas-Saħħa, l-istess Jo Etienne Abela kien qalilna li m’għandux soluzzjoni għal dan kollu.

L-ewwel kummenti ta’ Robert Abela wara l-bidla fil-kabinett tiegħu kien li ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet biex isaħħaħ il-pajjiż – stqarrija li żgur tistona man-nies ta’ Aaron Farrugia, li mhux biss neħħielu minn taħt idejh ir-responsabbiltà tat-trasport u l-infrastruttura…iżda keċċih kompletament mill-Kabinett tiegħu – umiljazzjoni assoluta għal Farrugia li skont kliem Abela jidher li kellu jwarrab hu sabiex il-Labour jirnexxielu jwettaq il-manifest elettorali tiegħu.

Minflok Aaron Farrugia, inħatar Chris Bonett bħala Ministru responsabbli biex isolvi l-problema tat-traffiku.

Omar Farrugia, frisk mill-ħatra tiegħu bħala Chairperson fi Sport Malta….inħatar Segretarju Parlamentari responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi filwaqt li Glenn Bedingfield – rinomat għal blog li kien imexxi mill-uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat qabel ma ġie elett fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 – inħatar bħala segretarju parlamentari responsabbli mill-indafa.

U filwaqt li Jonathan Attard tħalla Ministru tal-Ġustizzja – bir-riforma fil-kostruzzjoni tispiċċa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu …. il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ingħata r-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

Għas-sorpriża ta’ bosta Clayton Bartolo tħalla responsabbli mit-Turiżmu filwaqt li Stefan Zrinzo Azzopardi issa sar Ministru għall-Artijiet u li jara li l-programm elettorali tal-Labour ikun implimentat.

F’dan ir-reshuffle, spikkat ir-resistenza tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri hekk kif minkejja li sorsi fil-kurituri tal-Kastilja stess żvelaw li kollox kien imħejji sabiex Abela jqaċċathom…dawn ma baxxewx rashom għar-rieda ta’ Abela.

Spikka wkoll il-fatt li minkejja ż-żieda ta’ Segretarji Parlamentari u Ministri ġodda – id-Deputati Laburisti nisa li sal-bierah kienu backbenchers…sal-lum baqgħu mingħajr promozzjoni – turija li Robert Abela jew injorahom jew ma jemminx fihom – minkejja l-introduzzjoni tal-kwota tan-nisa fl-elezzjonijiet ġenerali.

Bl-inkwiet u taqbid intern fi ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jkompli jżid ġmielu…fejn bosta ddeskrivew din il-mossa ta’ Robert Abela bħala waħda biex jiprova jsalva ġildu qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju.