Lokali Qorti

BATTIKATA GĦAL MALTIJA LI EMIGRAT LEJN IL-KANADA: Kellha tiftaħ kawża fil-Qrati Maltin fuq problemi li ffaċċjat minħabba kunjomha

Maltija ta’ 38 sena li emigrat lejn il-Kanada 13-il sena ilu kellha tiftaħ kawża fil-Qrati Maltin minħabba li wieħed mill-kunjomijiet tagħha beda jikkawżalha problemi fil-pajjiż li marret tgħix fih. 

Il-kunjom tagħha Cachia kien qed ikun diffiċli mal-pubbliku u l-awtoritajiet Kanadiżi u kunjom ommha xebba, dak ta’ Camilleri – li kienet żiedet meta kienet Malta kien aktar faċli u għalhekk hi riedet li tibda tuża l-kunjom ta’ Camilleri.

Kien għalhekk li kellha tgħaddi minn battikata u tiftaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u tneħħi wieħed mill-kunjomijiet tagħha. U dan biex għall-bqija ta’ ħajjitha f’dan il-pajjiż imbiegħed ma jinqalgħux aktar problemi.

Il-mara twieldet fid-9 ta’ Settembru 1985 u ġiet reġistrata bħala ‘Stefanie Cachia’. Maż-żmien, hi adottat l-ortografija ‘Stephanie’ biex tikteb isimha b’dan il-mod, u permezz ta’ proċedura li saret fis-sena 2004, isimha uffiċjalment sar ‘Stephanie Cachia Camilleri’ għax żiedet ukoll kunjom ommha xebba. 

Din il-verżjoni tal-isem preżentement hi riflessa fid-dokumenti kollha uffiċjali tagħha f’Malta, inkluż il-karta tal-identità. Fl-10 ta’ Awwissu 2010 hi ħalliet Malta u marret toqgħod f’Vancouver, British Columbia, il-Kanada, u għadha tgħix hemmhekk fuq bażi permanenti, tant li tqis li stabbiliet ruħha f’dan il-pajjiż.

Hemmhekk hi ltaqgħet ma’ problemi minħabba li ftit persuni jistgħu jippronunzjaw il-kunjom ‘Cachia’ sewwa u kienet issib problemi saħansitra mal-banek u istituzzjonijiet oħra u fuq dokumenti uffiċjali bħal credit cards. Minħabba f’hekk, eventwalment bdiet tuża biss il-kunjom Camilleri. 

Waqt il-perjodu ta’ residenza tagħha fil-Kanada, hi ħadet ukoll il-prattika li tkompli tikteb isimha bl-ortografija ‘Stephanie’ u llum hekk hi maghrufa fost il-familjari, ħbieb u kollegi.

Fit-23 ta’ Ġunju 2021, għamlet il-pass b’mod uffiċjali u wettqet bidliet fil-Kanada permezz ta’ proċedura ta’ ‘Change of Name’ (permezz ta’ ċertifikat). Għalhekk fil-Kanada stabbiliet l-isem tagħha bħala Stephanie Camilleri.

Issa fil-Kanada hi maghrufa hekk fil-ħajja personali u ta’ kuljum tagħha u dan   jinkludu wkoll il-passaport Kanadiż, kif ukoll il-liċenzja tas-sewqan. Meta ppruvat tikseb il-ħruġ ta’ passaport Malti ġdid biex jirrifletti l-isem tagħha hekk kif mibdul fil-Kanada, hi ġiet infurmata mill-uffiċjali tal-Konsolat Ġenerali ta’ Malta f’Toronto, li din il-bidla tista’ tiġi riflessa f’Malta biss permezz ta’ sentenza tal-Qorti u għalhekk kellha tirrikorri għall-proċedura fil-Qrati Maltin. 

In vista tal-fatt li hi ċittadina Maltija, qalet li għandha l-interess li d-dokumenti uffiċjali tagħha f’Malta jiġi konformi ma’ dawk tagħha barra l-pajjiż biex b’hekk tiġi eliminata kull possibbiltà ta’ konfużjoni fl-identità tagħha.

Kif iddikjarat il-Qorti, kull persuna tista’ tagħmel talba ġudizzjarja għar-reġistrazzjoni tal-isem jew ismijiet, liema isem jew ismijiet il-persuna tkun użat jew tkun użat għaliha l-familja tagħha, u liema jkunu dikjarati mill-Qorti li huma l-isem jew l-ismijiet li bihom il-persuna kienet konsistentement imsejħa, minflok l-isem jew l-ismijiet li jidhru fl-att tat-twelid relattiv bħala l-isem jew l-ismijiet mogħtija fit-twelid.

It-talba ġudizzjarja msemmija għandha tinkludi talba biex il-bdil affettwat fl-att tat-twelid jiġi rifless f’kull att tal-istat ċivili relattiv għall-istess persuna u, fejn ikun hemm, għall-ulied u dixxendenti ulterjuri ta’ dik il-persuna; liema atti jridu jiġu indikati fit-talba bin-numru tal-att u s-sena relattivi tagħhom. 

Għaldaqstant l-Imħallef Robert G. Mangion laqa’ t-talba tal-mara. L-Avukat tagħha kien Mattia Felice.