Fil-Qorti ħareġ li r-raġel mill-Ghana akkużat bi qtil doppju fil-Marsa ta battikaata lill-Pulizija u li ma ried jikkopera bl-ebda mod hekk kif huwa ttieħed fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija wara li ħareġ mill-isptar. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Elisha Scicluna.
Kien l-għada tal-inċident – fis-16 ta’ Ottubru li għadda, meta Iddrisu Faisal inħareġ mill-isptar Mater Dei u ttieħed id-Depot, l-ispetturi Wayne Camilleri, Kurt Zahra u x-xhud ppruvaw jieħdu stqarrija mingħand Faisal.
Għall-ewwel l-akkużat ma riedx avukat u kien jidher li ma riedx jikkopera bl-ebda mod. Il-Pulizija komplew jistaqsuh jekk iridx avukat u fuq il-post mar l-avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat. Madankollu xorta waħda Faisal xorta ma riedx jikkopera fejn baqa’ stinat.
F’ħin minnhom Faisal mtedd mal-art u l-avukat qalilhom li qed jirreċta. Ma setgħetx tittieħed stqarrija minħabba l-imġieba tiegħu u tressaq b’arrest il-Qorti filgħaxija. F’dan l-istadju l-Qorti ordnat li l-akkużat joħroġ mill-awla peress illi kien qed jeġita ruħu għax l-avukat Joe Brincat ma kienx preżenti għal din is-seduta.
Fit-13 ta’ Novembru l-Qorti tal-Maġistrati kienet iddikjarat li hemm biżżejjed provi fil-konfront ta’ Iddirsu Faisal, ir-raġel akkużat bi qtil doppju makabru x-xahar li għadda fil-Marsa biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Faisal ta’ 34 sena, li huwa kaħħal, jinsab mixli bil-qtil ta’ Joseph Bartolo ta’ 73 sena u Carmen Abela ta’ 56 sena kif ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ mara oħra min-Niġerja ġewwa l-istalel tal-Marsa proprjetà tal-vittmi fil-15 ta’ Ottubru li għadda,
Huwa akkużat ukoll li weġġa’ gravi lill-istess mara Niġerjana u li weġġa’ ħafif raġel ieħor Niġerjan, kif ukoll akkużi relatati ma’ reżistenza għall-arrest, ħsara fil-proprjetà privata, li ma obdiex ordnijiet legali tal-pulizija u li weġġa’ ħafif uffiċjal tal-pulizija.
L-Avukat Joe Brincat li flimkien mal-Avukat Julia Micallef Stafrace, li t-Tnejn ma kienx preżenti għas-seduta qed jidher għall-akkużat waqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kayle Bonett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri. L-Avukati Franco Debono u Jason Azzopardi qed jidhru parte ċivile għall-vittmi. Il-każ ikompli fit-12 ta’ Frar fl-10.30am.