Futbol Sport

Ħamrun jilħqu lil Floriana, Sliema jibqgħu fil-forma u Valletta f’baħar ta’ inkwiet

(Ritratt: Joseph Galea)

Fil-logħba tant mistennija ta’ tmiem din il-ġimgħa Ħamrun Spartans kisbu rebħa importanti biex b’dawn it-tlett punti telgħu jaqsmu l-ewwel post flimkien mal-istess Floriana. Rebħa li waslet b’gowl fit-93 minuta skurjat mill-midfielder Kroat Roko Prsa wara li l-gowlkeeper Kitanov laqa u ma’ żammx il-ballun. Kienu Floriana li ħolqu l-aktar ċansijiet ta’ skor bil-gowlkeeper tal-Ispartans Bonello iwettaq numru ta’ saves determinanti. Ovvjament il-penalty li tilfu l-Greens fil-bidu tal-logħba kien jibdel l-andament li kieku sabu x-xibka u marru fil-vantaġġ. Issa ż-żewġ timijiet protagonisti dan l-istaġun jinsabu mill-ġdid roti ma’ roti fejn bil-forma tagħhom jidher li huma ser jibqgħu għaddejjin ma’ xulxin sa’ tmiem il-Kampjonat. minkejja li timijiet oħra kapaċi jtellfu l-punti fejn kull tim qed ikun ta’ sfida u wieħed ma jridx jaqta’ barra lil Sliema Wanderers li jinsabu 4 punti warajhom.

(Ritratt: Joseph Galea)

B’gowl f’kull taqsima Sliema Wanderers kisbu l-ewwel rebħa tas-sena l-ġdida dan wara li  huma għelbu lil Gudja United.  Din kienet it-tmien rebħa għal Sliema dan l-istaġun li tfisser li komplew isaħħu t-tielet post tal-klassifika. Mill-banda l-oħra mhux l-istess jista jingħad għal Gudja United li baqgħu fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika u l-uniku tim mingħajr rebħa. Din kienet l-ewwel logħba għal Gudja United taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid tagħhom Renzo-Kerr Cumbo. Għal Sliema Wanderers it-tamiet li jiksbu post fl-Ewropa qed ikomplu jikbru filwaqt li resqu aktar viċin il-leaders.  Għal Gudja jkompli jikber l-inkwiet hekk kif jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika u ftit li xejn jidher li hemm tama li jsalvaw meta dan l-istaġun ser ikunu erba’ timijiet li jisfaw relegati għaċ-Challenge League.

Rebħa meritata nkisbet minn Balzan li għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0. L-eroj tal-ġurnata għal Balzan kien l-attakkant  Aleksa Andrejic li skorja ż-żewġ gowls. B’din ir-rebħa t-tim immexxi minn Oliver Spiteri tela’ fit-tmien post tal-klassifika. Mill-banda l-oħra jikber l-inkwiet tal-Mostin fejn issa jinsabu fil-ġlieda għas-salvazzjoni. Mosta issa ilhom ħames partiti konsekuttivi ma jsibu x-xibka avversarja filwaqt li statistika aktar negattiva hija li  ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar sitt logħbiet fejn kisbu żewġ draws biss. Huma bdew il-partita tajjeb fejn ħarġu fuq l-offensiva iżda l-gowl fil-bidu tat-tieni taqsima witta t-triq għal ħames rebħa tal-istaġun.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Ikompli l-istaġun pożittiv ta’ Naxxar Lions wara li huma għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-1. B’hekk it-tim immexxi minn George Vella rritorna għar-rebħ wara d-disfatta tal-aħħar logħba kontra Sliema Wanderers. Kienet rebħa meritata għal Naxxar li mill-ewwel ħarġu fuq l-offensiva fejn għamlu l-intenzjonijiet ċari. Fil-fatt kien biss fit-tieni taqsima li Valletta bdew jidhru aktar u wara li naqqsu d-distakk wara biss ftit minuti wara inċertezza mill-gowlkeeper Naxxari, kellhom ċansijiet li setgħu jsalvaw il-logħba iżda dan ma’ seħħx. Telfa li tpoġġi lil Valletta f’sitwazzjoni xejn komda fejn jinsabu issa flimkien ma’ Gżira United u Mosta fuq ħdax-il punt u żewġ punti biss aktar minn Santa Lucia.

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

F’partita sabiħa b’diversi azzjonijiet ta’ skor Birkirkara għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-1 biex issa l-Istripes jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika b’punti daqs Marsaxlokk. Kienet rebħa diffiċli imma importanti fejn spikka għall-Istripes Maxuell Maiai li skorja gowl f’kull taqsima biex ta t-tlett punti lit-tim immexxi minn Brian Chetcuti. Mill-banda l-oħra t-tim minn San Pawl il-Baħar baqa’ jaqsam l-aħħar post flimkien ma’ Gudja Uni­ted. Huma ppruvaw u għamlu minn kollox biex jieħdu xi ħaġa minn konfront kontra tim aktar ikkwotat minnhom iżda finalment kienu l-Istripes li ħarġu bil-punti massimi. Fil-fatt nemmen li meta tqis iċ-ċirkostanzi kollha riżultat ta’ draw kien ikun l-aktar wieħed ġust.

(Ritratt: Josef Fitpatrick)

Hibernians u Marsaxlokk temmew il-konfront ta’ bej­niethom fi draw ta’ 1-1. Riżultat li kien wieħed ġust u li żgur li l-aktar li kkuntenta kien lix-Xlukkajri. Kienet logħba li rat lil Marsaxlokk imorru minn fuq eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima iżda Hibernians kisbu l-gowl tad-draw f’nofs it-tieni 45 minuta u minkejja li spiċċaw bi plejer anqas wara t-tkeċċija ta’ Ferdinando Apap, rreżistew sabiex salvaw punt minn din il-partita diffiċli. Huma jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika fejn b’dan ir-riżultat it-team immexxi minn  Winston Muscat baqa’ żewġ punti fuq Hibernians u t-tamiet li jiksbu post fil-UEFA Conference League komplew jikbru.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Santa Lucia kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun biex komplew jitilgħu aktar ’il fuq fil-klassifika u jittamaw li jistgħu finalment isalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni. Kienet logħba li rat lis-Saints joħorġu fuq l-offensiva mill-ewwel hekk kif wara biss żewġ minuti logħob ingħataw penalty iżda Jurgen Pisani kellu x-xutt tiegħu salvat mill-gowlkeeper tal-Maroons. Santa Lucia komplew jemmnu biex finalment u meritatament fetħu l-iskor. Gżira United kienu aħjar fil-bidu tat-tieni taqsima fejn kisbu d-draw mas-siegħa logħob. Kellu jkun Jurgen Pisani li patta għall-penalty li falla fl-ewwel taqsima hekk kif fl-aħħar azzjoni tal-logħba sab ix-xibka biex ta tlett punti prezzjużi lit-tim tiegħu. Mill-banda l-oħra jkomplu jikbru l-problemi għal Gżira fejn din kienet is-seba’ telfa tal-istaġun.

INNUTAJNA

LI  l-maltemp li kien nhar is-Sibt li għadda u l-kundizzjoni tat-tinda tal-Istadium Nazzjonali kompliet tikkonferma li hemm bzonn immedjat li jsir xogħol intensiv sabiex il-partitarji li jitilgħu jsegwu l-futbol lokali jkollhom kundizzjonijiet diċenti.

LI  jkomplu jissemmew diversi ismijiet ta’ plejers u anki diriġenti fuq ċaqlieq matul ix-xahar ta’ Jannar. Valletta huwa wieħed mit-timijiet li jidher li ser ikollhom tibdil konsiderevoli kemm fl-amministrazzjoni kif ukoll fil-plejers.

LI  jkompli għaddej il-mument pożittiv ta’ Żabbar St Patrick fiċ-Challenge League b’rebħa oħra fuq Msida SJ. Gowl li wasal minn debuttant għat-tim Żabbari, Brian Ariel Gambarte.