L-atteġġament fl-ewwel seduta fil-kawża tal-PN li fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat diġa bdiet tagħti indikazzjoni li l-parti l-oħra se tipprova tagħmel minn kollox biex ittawwal il-proċeduri. L-Imħallef Giovanni Grixti beda jisma’ l-każ imressaq mill-kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-predeċessur tiegħu Adrian Delia fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fid-dawl tal-iskandlu tal-Vitals Global Healthcare.
Dan biex jiġu rkuprati l-400 miljun ewro wara li l-Qorti tal-Appell fissret ċar u tond li mhux biss il-poplu nsteraq b’deal frawdolneti iżda li l-Gvern kien kompliċi f’din is-serqa. Il-PN ressaq il-każ f’Diċembru li għadda sabiex iġiegħlu lill-Istat jieħu azzjoni biex jirkupra l-miljuni ta’ ewro mitlufa b’riżultat tal-ftehim ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet tal-2015, li ġie annullat fi Frar tas-sena l-oħra, minħabba frodi fuq il-parti ta’ VGH u Steward Healthcare.
Taħt dak il-ftehim, Vitals ingħatat l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Anqas minn sentejn wara li ngħatat il-konċessjoni, Vitals biegħha lil Steward Healthcare, flimkien ma’ €55 miljun f’djun akkumulati mill-VGH, għall-prezz nominali ta’ €1.
It-Tnejn filgħodu ħareġ li l-Gvern u l-Kabinett kienu ressqu rikors fejn talbu l-ammissjoni tagħhom bħala partijiet fil-kawża. l-Avukat Edward Debono li qed jidher għall-PN informa lill-qorti li l-klijenti tiegħu ma kinux ġew notifikati kif suppost b’kopja ta’ din l-applikazzjoni u qed joġġezzjona li l-Gvern ikun parti mill-kawża.
Dr. Debono żied jgħid ukoll li huwa fid-dmir li jinforma lill-Qorti li qarib tal-imħallef, Dr Charles Grixti, li llum mejjet, kien inħatar mill-gvern biex jagħmel ‘due dilligence’ fuq l-aspett mediku tal-ftehim. Hawn intervjena l-Avukat James D’Agostino, li jirrappreżenta lill-Avukat tal-Istat, li sostna li dan il-fatt m’għandu x’jaqsam xejn mal-każ inkwistjoni, li wassal lil Dr. Debono biex jiċċara li l-klijenti tiegħu ma kinux qed jitolbu r-rekuża tal-imħallef li qed jippresiedi l-każ.
Il-partijiet komplew jiddikjaraw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni jew riżervi jekk il-qorti tkompli tisma’ l-kawża, kif ippreseduta. L-avukat Debono talab permess biex jiġu esebiti dokumenti, inkluż affidavits, qabel ma l-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar it-talba biex jintervjeni fil-każ. It-talba, madankollu, ġiet miċħuda mill-qorti, li rrimarkat li ma kienx l-istadju korrett li dan isir.
Il-Prim Ministru Rober Abela, flimkien mal-Ministri Jonathan Attard u Byron Camilleri attendew għall-ewwel seduta tal-kawża. Preżenti wkoll il-Kap tal-PN Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.
Is-seduta ġiet differita għal nhar it-Tnejn, 15 ta’ Jannar għal sottomissjonijiet orali dwar it-talba tal-intervenjenti. L-avukati Edward Debono u Nicholas Debono qed jassistu lil Grech u Delia. L-Avukat tal-Istat Chris Soler, flimkien mal-avukati James D’Agostino u Julian Farrugia, irrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, filwaqt li l-avukati Ian Borg, Maurizio Cordina u Chris Cilia irrappreżentaw lill-Gvern ta’ Malta u lill-Kabinett tal-Ministri.
L-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-PN Bernard Grech u d-Deputat Adrian Delia
“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali kontra kull min jagħżel lill-frodisti minflok lill-poplu”
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, hekk kif illum bdiet tinstema’ l-kawża li ressaq flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia biex l-Avukat tal-Istat jieħu azzjoni u jġib lura l-€400,000,000 li nsterqu lill-poplu biex jingħataw lil Vitals u Steward.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela qed jipprova jagħmel minn kollox biex itawwal iż-żmien milli toħroġ aktar il-verità dwar il-bejgħ tal-isptarijiet u l-miljuni misruqa minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-frodi li wettaq il-Gvern, kif ikkonfermat ukoll mill-Qorti, qed jinkweta sew lil Robert Abela, li min-naħa tiegħu qed jagħmel minn kollox biex jgħatti xturu u milli jieħu azzjoni biex iġib lura l-flus misruqa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn l-ostakli jkomplu jikkonfermaw kemm il-Partit għandu raġun li jissokta bil-ġlieda b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Il-fatt li l-Gvern Laburista jrid jintervjeni f’din il-kawża jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista li l-Avukat tal-Istat hu legalment indipendenti mill-Gvern, jista’ u għandu jieħu l-passi kollha biex jinġiebu l-miljuni lura.
Dan anke meta Robert Abela jibqa’ jagħżel li jiddefendi lil min frodana u seraqna minflok lill-poplu Malti u Għawdxi.
Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li din il-kawża saret biex il-pożizzjoni tal-Avukat tal-Istat tissaħħaħ ħalli jkollu l-indipendenza u l-awtonomija, kif titlob il-Kostituzzjoni. Tant il-Partit Nazzjonalista għandu raġun fil-ħsieb tiegħu li, meta l-Gvern ra l-kawża, qed jitlob li jintervjeni fiha biex jorbot aktar idejn l-Avukat tal-Istat.
Hu qal li l-argumenti li qed jagħmel il-Gvern huma perikolużi għax mhux minnu li l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jipperikola l-arbitraġġ internazzjonali li fetħu ta’ Steward. Jekk għandu s-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, li qalet li l-kuntratti ma’ Vitals u Steward huma nulli, il-Gvern għandu juża’ din l-akbar tarka biex iġib il-miljuni lura.
Fil-Qorti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia kienu akkumpanjati mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.