Internazzjonali

Il-Libanu: Pass eqreb potenzjali lejn gwerra ma’ Iżrael wara l-qtil ta’ kmandant tal-Ħeżbollah

L-osservaturi tal-gwerra li għaddejja fil-Medda ta’ Gaza jemmnu li l-konflitt diġà qed jinfirex madwar ir-reġjun u meta kibret sew il-possibbiltà ta’ gwerra totali bejn Iżrael u l-Libanu.

It-tensjoni fir-reġjun kompla jikber wara li kmandant ewlieni mal-Ħeżbollah, il-moviment tal-Lebaniżi Xiti, inqatel minn drone tal-qawwiet Iżraeljani. L-attakk seħħ fiz-zona ta’ Khirbet Selm, fin-Nofsinar tal-Libanu, u fejn id-drone laqat il-vettura ta’ Wissam al-Tawil – bir-riżultat li l-vettura tilfet il-kontroll qabel splodiet f’balla nirien.

Il-qtil ta’ al-Tawil qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira lill-Ħeżbollah – alleat tal-Iran u li  għandu wieħed mill-akbar Armati fil-Lvant Nofsani. Dan ukoll meta Wissam al-Tawil,– il-Viċi-Kap tat-taqsima elit ta’ Radwan fi ħdan il-Ħeżbollah – kien anki qrib ħafna ta’ Hassan Nasrallah, is-Segretarju Ġenerali (u Kap) tal-moviment tal-milizji Xiti Lebaniżi.

Mifhum li fl-attakk bid-drone mietu wkoll xi milizji tal-Ħeżbollah li kienu fil-karozza ta’ Tawil – b’diversi sorsi fil-Lvant Nofsani,  issa, qed jistennew eskalazzjoni konkreta ta’ ostilitajiet mal-fruntiera Iżraeljana mal-Libanu.

Dan minkejja li Hassan Nasrallah, qabel, kien wissa lil Iżrael biex ma jwettaqx gwerra ‘fuq kull livell’ mal-Libanu – u fejn hu saħaq li l-Ħeżbollah ilu x-xhur fuq ‘standby’ għal spinta tal-ostilitajiet fir-reġjun.

Il-moviment tal-Ħeżbollah hu anki alleat tal-grupp Ħamas li ilu għaddej bil-gwerra kontra Iżrael mis-7 ta’ Ottubru – il-jum meta t-terroristi ta’ dan il-grupp invadew l-artijiet tal-Iżraeljani u massakraw il-mijiet ta’ familji fost il-ħtif tal-ostaġġi.