Fuq l-aġenda tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, li se jitlaqqa’ dalgħodu, hemm il-ħatra ta’ Skrivan tal-Kamra ġdid minflok Ray Scicluna… In-Nazzjon jista’ jikkonferma li jeżisti qbil unanimu miż-żewġ naħat tal-Kamra li tinħatar Eleanor Scerri, persuna li ilha diversi snin taħdem fil-Parlament.
Illum it-Tnejn jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara li ilu wieqaf għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat minħabba l-vaganzi tal-Milied u l-bidu ta’ sena ġdida.
Fost l-ewwel suġġetti għad-diskussjoni fuq l-aġenda se jkun hemm abbozz ta’ liġi mressaq mill-Ministru Owen Bonnici biex jemenda l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, Kap. 445, għall-finijiet ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-importazzjoni u l-moviment ta’ proprjetà kulturali f’Malta; abbozz ta’ liġi mressaq mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul f’isem il-Ministru għall-Intern biex jemenda l-Kodiċi Kriminali, Kap. 9, u abbozz ta’ liġi mressaq mill-Ministru Julia Farrugia Portelli biex jemenda l-Kodiċi Kriminali, Kap. 9 ukoll.
F’kumment li tana matul il-jum tal-Ħadd, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, Robert Cutajar, qalilna li l-Oppożizzjoni se tkun qed tkompli bil-ħidma tagħha fejn ħalliet fi tmiem is-sena li għaddiet. “Dan ifisser li filwaqt li se nkomplu naraw li l-Gvern imexxi bi trasparenza, kontabbiltà u governanza tajba, se nibqgħu ninsistu li anke fil-Parlament suġġetti li jolqtu direttament in-nies u sitwazzjonijiet li jkunu qed iseħħu fil-pajjiż jiġu trattati bis-serjetà u jittieħdu deċiżjonijiet li jkunu verament fl-interess tal-ġid komuni.”
Hu semma partikolarment bħala eżempju l-għoli tal-ħajja, fejn nafu li pajjiżna għadu fost l-aktar pajjiżi fl-Ewropa li qed jiffaċċja din il-problema, li qed tħalli impatt ħażin ferm fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
L-Ambjent ukoll se jkun prijorità ewlenija li l-Oppożizzjoni qed tieħu bis-serjetà fil-ħidma parlamentari tagħha. “Daqstant ieħor se nkunu qed nagħtu prijorità lill-qasam tas-Saħħa fejn se nibqgħu ninsistu li l-400 miljun ewro misruqa fid-dawl tax-xemx minn Vitals u Steward b’kompliċità tal-Gvern jingħataw lura lill-poplu. Ma ninsewx lanqas il-problema dejjem tikber tat-Traffiku fejn il-Gvern qed jibqa’ ċass quddiem sitwazzjoni li qed tiffrustra lil kulħadd.”
L-Oppożizzjoni mistennija tressaq ukoll żewġ proposti oħra importanti – dik li jitwaqqaf kumitat permanenti għall-ġustizzja u dik biex ir-rapporti tal-Ombudsman li jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra jibda jkun hemm ħin allokat biex jiġu diskussi fil-plenarja.
Robert Cutajar qalilna li jittama wkoll li l-Gvern u l-Ministri tiegħu għas-sena l-ġdida jibdlu l-mod ta’ kif kienu jaġixxu sa issa fil-Parlament. “Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna ministri li jaħarbu milli jwieġbu domandi parlamentari kif kellna sa tmiem is-sena li għaddiet fejn kien hemm 750 domanda mressqa mill-Oppożizzjoni li ma ġewx imwieġba. Mhux aċċettabbli li jkollok rulings tal-Ispeaker li jikkundannaw numru ta’ ministri u għall-PM Robert Abela jibqa’ kollox bħal donnu xejn mhu xejn. F’sitwazzjonijiet simili f’pajjiżi fejn il-Parlament jiġi rispettat bis-serjetà, jittieħdu d-deċiżjonijiet b’mod immedjat.”
Il-Whip tal-PN qalilna li mhux aċċettabbli lanqas li l-Gvern jibqa’ jħalli fuq l-ixkaffa għal kważi sentejn sħaħ proposti tal-Oppożizzjoni biex il-Parlament jibda jaħdem u jopera kif inhu sewwa u xieraq b’rispett lejn din l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż.
Hu qal li għall-Oppożizzjoni mhux aċċettabbli li, kif inhuma l-affarijiet illum u b’intenzjoni ċara min-naħa tal-Gvern, l-Oppożizzjoni għandha sa massimu ta’ żewġ seduti biss f’sena fejn tista’ ttella’ mozzjonijiet. “F’pajjiż demokratiku f’parlament li jaħdem fl-interess tan-nies u l-poplu tiegħu dawn is-sitwazzjonijiet ma jeżistux għax huma inaċċettabbli.”
Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni tibqa’ tistaqsi wkoll x’qed jistenna l-Prim Ministru biex jaċċetta u jibda jalloka ġurnata fil-ġimgħa biex hu personali jwieġeb domandi parlamentari kif fil-fatt isir fil-Parlament Ingliż, fejn “suppost” il-Parlament tagħna jimxi fuq l-istess mudell.
Hu temm jgħid li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jkompli jaħdem f’din is-sena l-ġdida biex anki fil-Parlament, flimkien mal-Kap tal-Partit Bernard Grech, jibqa’ jkun it-tarka u l-vuċi tal-poplu Malti. “Hekk aħna obbligati nagħmlu, u dan l-obbligu se nkunu qed insostnuh u nassigurawh.”
//= $special ?>