Lokali Qorti

IL-QTIL TA’ ERIC BORG: Kobba mħabbla għall-investigaturi – Il-kumpilazzjoni tibda l-Erbgħa

L-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Eric Borg li seħħ fl-ewwel tas-sena m’huma qed iwasslu għall-ebda motiv ċara wara din l-isparatura – għajr li ż-żagħżugħ seta’ inqatel għaliex l-allegat qattiel ħaseb li kien qed isegwieh.

Wara sigħat sħaħ ta’ interrogazzjonijiet, il-Pulizija ma’ waslet għall-ebda motiv ċar wara din l-isparatura; għalkemm Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat wieġeb il-mistoqsijiet kollha. Din il-kobba mħabbla jista’ jkun li tinħall xi ftit meta nhar l-Erbgħa, 10 ta’ Jannar jibdew jinstemgħu x-xhieda hekk kif fil-11am se tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia.

Waqt l-interrogazzjoni Azzopardi ripetutament qal li xi ħadd kien qed isegwieh.

Ftit tal-jiem ilu l-akkużat ġie trasferit mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għall-isptar Monte Carmeli wara li ġie eżaminat minn psikjatra ftit wara dan id-delitt.

Noel Azzopardi qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Eric Borg, illi kellu 27 sena.

Azzopardi qed iwieġeb ukoll illi mhux ħati li uża arma tan-nar għal att kriminali kif ukoll li għamel użu minn arma tan-nar f’distanza ta’ 200 metru mill-pubbliku. Dan apparti li ġie mixli li żamm arma u munizzjon f’residenza.

Waqt is-seduta tal-4 ta’ Jannar diversi domandi kellhom isirulu għal aktar minn darba; inkluż il-mistoqsija sabiex jgħid x’jismu.

Preżentament grupp ta’ psikjatri għadhom iridu jiddeterminaw jekk Azzopardi kienx fi stat ta’ ġenn fil-ħin li seħħ il-qtil. Dan filwaqt li t-talba tad-difiża sabiex il-files mediċi ta’ Azzopardi jkunu disponibbli għall-Qorti tindika li d-difiża se targumenta li ma kienx fi stat mentali tajjeb.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Azzopardi se tibda tinstema’ quddiem il-Maġistrat Marseann Farrugia aktar tard dan ix-xahar.