Franz Beckenbauer, l-eks difensur u captain ta’ Bayern Munich u l-Ġermanja u li meqjus fost l-aqwa plejers ta’ kull żmien miet fl-età ta’ 78 sena.
Hu kien fost il-ftit personalitajiet tal-futbol li rebaħ it-Tazza tad-Dinja bħala plejer u anki manager – u meta tul il-karriera tiegħu kien iddefinixxa r-rwol ta’ libero modern matul is-snin sebgħin.
Beckenbauer lagħab 104 darbiet mal-Ġermanja, u kien il-captain tal-iskwadra nazzjonali li rebħet it-Tazza tad-Dinja tal-1974. 16-il sena wara, huwa rebaħ it-Tazza tad-Dinja li saret fl-Italja, bħala kowċ.
Kien ukoll leġġenda ta’ FC Bayern München fejn rebaħ diversi unuri, fosthom ħat-trick ta’ trofej Ewropej fis-snin 70, fejn iddistingwa lilu nnifsu bħala diversur prim.
Fost l-oħrajn Beckenbauer jibqa’ mfakkar għar-rwol modern ta’ sweeper, jew libero, tant li ħafna jqisuh bħala l-plejer li ħoloq din il-pożizzjoni.
Beckenbauer huwa wieħed minn tlieta li rebaħ it-Tazza tad-Dinja bħala plejer u kowċ flimkien ma’ Mario Zagallo u Didier Deschamps.
Fl-1990 huwa sar kowċ ta’ Olympique de Marseille fejn dam biss sena u rebaħ il-kampjonat Franċiż kif ukoll wasal sal-finali tat-Tazza UEFA.
Beckenbauer imbagħad mexxa lil Bayern Munich f’żewġ esperjenzi differenti bejn Dicembru tal-1993 u Ġunju tal-1994 u minn April sa Ġunju tal-1996. Matul dawn iż-żewġ esperjenzi huwa rebaħ il-Bundesliga fl-1994 u t-Tazza UEFA fl-1996.
Fl-1994 huwa sar President ta’ Bayern Munich u baqa’ fil-pożizzjoni sal-2009 meta rriżenja u postu ħadu Uli Hoene.
Fl-1998 Beckenbauer sar Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ġermanja fejn f’dak il-perjodu kien strumentali wkoll biex il-Ġermanja tirbaħ id-dritt li torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2006 fejn mbagħad kien ukoll Chairman tal-kumitat organizzattiv kif ukoll kummentatur għall-istazzjon Bild-Zeitung.
//= $special ?>