Lokali Qorti

IS-SERQA TAL-ISPTARIJIET: Illum tibda l-kawża tal-PN biex l-Avukat tal-Istat jitħalla jaħdem

Il-Qorti dalgħodu se tibda tisma’ l-kawża dwar is-serqa tal-isptarijiet – kawża li fetaħ il-PN sabiex verament issir ġustizzja wara l-kundanna tal-Qorti tal-Appell, ftit tax-xhur ilu.

Il-ftehim dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward kien ġie kkundannat mill-Qorti għal darba darbtejn; l-ewwel mill-Imħallef Francesco Depasquele u wara mill-Qorti tal-Appell fejn is-sentenza fissret ċar u tond li mhux biss il-poplu nsteraq iżda li l-Gvern kien kompliċi f’din is-serqa.

U wara li l-Gvern baqa’ ċass, il-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża oħra fil-Qrati Maltin sabiex l-Avukat tal-Istat Chris Soler ikollu l-awtonomija neċessarja ħalli jkun jista’ jwettaq ix-xogħol li huwa obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela mhux qed iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq dmirijietu. Dan għaliex meta Soler kien mistoqsi għalfejn għadu ma bediex jieħu l-passi neċessarji dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward, huwa stqarr li hu jisma’ biss mill-ordni ta’ Prim Ministru.