Raġel ta’ 62 sena li qal lill-Qorti li ma jaħdimx wieġeb mhux ħati li ta daqqa ta’ sikkina lil ħuh wara argument fuq it-tabakk liema nċident allegatament seħħ fis-17 ta’ Diċembru. Francis Calleja minn Naxxar ġie mixli li filgħaxija fir-residenza ta’ fejn hu jgħix ma’ ħuh – mingħajr ħsieb li joqtlu jew li jqiegħed il-ħajja tiegħu f’periklu ċar kkaġunalu ġrieħi gravi.
Huwa ġie mixli wkoll li fl-istess ħin kkawża biża li kienet se tintuża vjolenza fuq ħuh kif ukoll li wettaq inġurji fuqu u li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni. Mir-rapport li għamel l-allegat vittma jidher li waqt li hu kien fil-kċina fid-dlam, ħass sikkina ma’ għonqu u li dan irnexxielu jippenetraha xi ftit.
Qal ukoll li huwa għaraf lil ħuh li kien wettaq dan ir-reat u li f’idejh kellu żewġ skieken. Il-Pulizija qalet li nstabet biss sikkina waħda fuq il-post. Sadanittant l-akkużat wara dan l-inċident għamel perjodu rikoverat fl-isptar Monte Carmeli.
F’dan l-istadju d-difiża mmexxija mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Mario Caruan ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest. Pero d-difiża għamlet rakkomandazzjoni biex id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-imputat jingħata l-assistenza mediku kollha li għandu bżonn biex isirlu eżami psikoloġiku u psikjatriku sabiex jiġi determinat fejn l-aħjar għandu jinżamm.
Il-Qorti laqgġet din it-talba. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Chris Cauchi u l-Avukat Cynthina Ellul Sciberras.
//= $special ?>