Internazzjonali

Oppenheimer jiddomina l-Golden Globe Awards

Oppenheimer iddomina l-Golden Globe Awards, u kiseb ħames unuri, inkluż l-aqwa premju.

Cillian Murphy u Robert Downey Jr ġew rikonoxxuti għall-interpretazzjoni eċċellenti tagħhom fil-film li jiffoka fuq l-istorja ta’ missier l-ewwel bomba atomika, filwaqt li Christopher Nolan irċieva l-premju għall-aħjar direttur għal Oppenheimer, kif ukoll l-unur tal-aqwa film drammatiku.

Poor Things ta’ Yorgos Lanthimos għeleb lil Barbie fil-kategorija tal-aħjar film mużikali.

Anatomy of a Fall ta’ Justine Triet, li diġà kiseb il-premju Palme d’Or fil-Festival tal-Films ta’ Cannes, rebaħ fil-kategorija tal-aħjar film mhux bl-Ingliż.

Succession rebaħ fil-kategorija tat-TV series, wara l-aħħar staġun tiegħu. Barbie kiseb ukoll rebħa notevoli billi rebaħ il-premju inawgurali tal-box office bi gross globali ta’ 1.4 billjun dollaru Amerikan. 

Barra minn hekk, Killers of the Flower Moon ta’ Martin Scorsese, kellu lil Lily Gladstone li ħadet il-premju għall-aqwa attriċi tad-drama. 

L-istilla ta’ Oppenheimer, Cillian Murphy, faħħar id-dedikazzjoni ta’ Christopher Nolan, u s-suċċess ta’ 954 miljun dollaru Amerikan fil-box office. Il-film mhux biss kiseb il-premju għall-aqwa film drammatiku iżda rebaħ ukoll il-Best Score u l-premju Best Supporting Actor ingħata lil Robert Downey Jr.