Lokali

RESHUFFLE: Iqumu iktar dubji u mistoqsijiet

It-tkeċċija tal-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia u t-tneħħija ta’ Fearne minn Ministru tas-Saħħa kienu fost l-iktar mossi kruċjali li għamel Robert Abela fir-reshuffle tal-Kabinett tiegħu… li issa se jkun magħmul minn 27 persuna. Reshuffle li qed iqajjem ħafna dubju u mistoqsijiet.

L-editorjal ta’ The Malta Independent għamel analiżi tar-re-shuffle li wettaq il-Prim Ministru, is-Sibt li għadda. U jgħid lil l-mossa ta’ Abela biex jagħmel re-shuffle saret fiż-żmien opportun għalih hekk kif ħames xhur oħra pajjiżna se jaffaċċja żewġ elezzjonijiet – dik tal-MEP’s kif ukoll tal-Kunsilli Lokali. Allura kieku din il-mossa saret iktar tard, kien ikun tard wisq għal Robert Abela biex il-Kabinett il-ġdid tiegħu jibda jagħmel impatt u biex jibda jsewwi l-iżbalji li għamel fl-aħħar sentejn.

Il-mistoqsija tqum dwar għala Abela ħa d-deċiżjoni li jċaqlaq lill-Ministru li huwa meqjus bħala l-iktar poplari minn fost il-Ministri ta’ Abela. L-editur jgħid li din il-mossa li lil Chris Fearne jaħtru Kummissarju Ewropew, wara li jasal fi tmiemu t-terminu ta’ Helena Dalli, setgħet saret minħabba d-dell ikrah li ħalla fuq pajjiżna id-deal li sar ma’ Vitals u Steward.

Dan hekk kif kien propju Fearne il-Ministru responsabbli minn dan is-settur… għalkemm kien qal li ma kienx involut fil-konċessjoni li saret.

Biża’ oħra li seta’ affaċċja Robert Abela hija li lil Fearne kien qed jarah bħala theddida għat-tmexxija tal-Partit Laburista, hekk kif Fearne llum il-ġurnata jaf igawdi aktar popolarità minn Abela.

Imbgħad, kien hemm il-mossa li jitqaċċat Aaron Farrugia – politiku li twarrab totalment mill-Kabinett; manuvra li spiċċat fuq fomm kulħadd.

L-independent tfakkar illi Aaron Farrugia sa ftit tax-xhur ilu kien meqjus bħala persuna fdata u promimenti… fejn propju ngħata d-dekasteru tal-Infrastruttura… Biex issa spiċċa biss backbencher.

Din il-mossa saret fiż-żmien meta l-Gvern ta’ Abela qed jaffaċċja kritika kbira għaż-żieda qawwija fit-traffiku ta’ pajjiżna kif ukoll ftit tal-ġimgħat wara li kien żvelat l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan.

Persuna oħra li spiċċat vittma ta’ dan ir-reshuffle kien Stefan Zrinzo Azzopardi, li tilef il-portafoll tal-ippjanar… hekk kif issa dan spiċċa taħt id-dekasteru tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Mossa li mhux mistennija tintlaqa’ b’mod pożittiv… fosthom mill-attivitsti ambjentali.

L-editur jitfa’ wkoll dawl fuq iż-żieda fil-membri tal-Kabinett hekk kif issa hemm total ta’ 27 persuna… il-Prim Minsitru nnifsu, 18-il Ministru u total ta’ 8 segretarji parlamentari. Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ Malta, dan il-Kabinett huwa pjuttost wieħed kbir…u li se jwassal għal żieda fin-nefqa tal-Kabinett.