Filwaqt illi l-għaqda ‘Rota’ tgħaraf l-isfidi li wiret il-Ministru Chris Bonnet, qed tħeġġu biex jagħti prijorità lill-mobilità sostenibbli u s-sigurta’ fit-toroq. Dan hekk kif permezz ta’ stqarrija, ‘Rota’ tkellmet apertament dwar l-eżistenza ta’ proġetti ddisinjati ħażin li joħolqu riskji sinifikanti … u tittama li flimkien mal-Ministru Bonett issa, tindirizza d-diversi kwistjonijiet li jeħtieġu attenzjoni immedjata. Fosthom, li b’mod immedjat tiddaħħal strateġija għaċ-ċikliżmu.
Fl-istqarrija maħruġa wara li sar ir-reshuffle, ‘Rota’ saħqet li għandha tingħata prijorità lill-mobilità sostenibbli bil-promozzjoni ta’ trasport alternattiv li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Qalet ukoll li l-proġett tal-flyover fl-Msida għandu jiġi evalwat mill-ġdid billi joffri soluzzjonijiet alternattivi ta’ mobilità fuq flyovers addizzjonali, u links siguri għal dawk kollha li jużaw it-triq bejn l-Imsida, l-Università u l-Belt Valletta.
Qalet ukoll li l-Imġarr Bicycle Lane għandha titranġa filwaqt li tiġi ndirizzata l-kwistjoni tal-karreġġjata dejqa tar-roti li ilha ta’ periklu għaċ-ċiklisti għal aktar minn sentejn. Għandu jkun hemm ukoll rotot siguri għaċ-ċikliżmu tul Triq Sant’Andrija li hija rotta importanti ħafna li tgħaqqad iż-żoni tas-Swieqi, Tal-Ibraġ, Pembroke u Paceville.
‘Rota’ sostniet li għandha tittieħed azzjoni immedjata fit-triq tal-Balal, identifikata miċ-ċiklisti bħala l-aktar perikoluża, billi jiġu implimentati miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà.
Apparti dan kollu, l-għaqda ‘Rota’ fakkret kif is-sena li għaddiet sirna nafu li mijiet ta’ sewwieqa allegatament kisbu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom illegalment. Dan joħloq riskju serju għas-sigurta ta’ kull min juża t-toroq Maltin u għaldaqstant dan ir-racket tal-liċenzji tas-sewqan għandu jiġi indirizzat minnufih.
//= $special ?>