Żagħżugħ Belġjan ta’ 25 sena, residenti l-Imsida li qal lill-Qorti li jaħdem bħala “Security Guard” ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat elf ewro wara li ammetta li tefa filmat b’konotazzjonijiet sesswali fil-konfront tat-tfajla tiegħu fuq Instagram mingħajr il-kunsens tagħha.
Il-Maġistrat Astrid May Grima wissiet lil Morgan Hayat E Smith li tali ammissjoni tista’ tirriżulta f’piena karċerarja u li skont il-liġi jista’ jibdel id-deċiżjoni tiegħu.
Meta kkonsulta mal-Avukat tal-Għajnuna Legali Mario Caruana, l-imputat ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. L-Ispettur Omar Zammit li ressaq lil Belġjan, li hu minn Antwerp qal li l-vittma li hi Olandiża kellha l-ħajja sesswali tagħha esponuta ma’ ħafna persuni, nkluż ħbieb tagħha.
Tenna li dan ikollu impatt psikoloġiku fuqha. Qal ukoll li kkopera mal-Pulizija, tant li ammetta wkoll fl-istqarrija li hu ta waqt l-interogazzjoni. Zammit qal li Smith kien ilu Malta għal tliet ijiem u beħsiebu jitlaq minn Malta t-Tlieta fejn qal ukoll lill-Pulizija li kien għamel ħmerija.
Il-prosekutur qal li huwa jemm li l-piena għandha tkun sentenza ta’ ħabs sospiża fl-intier tagħha u li l-Qorti wkoll tapplika ordni ta’ trażżin. L-Avukat Caruana qal li jaqbel mal-Ispettur Zammit ma’ li l-klijent tiegħu m’għandux jingħata sentenza ta’ ħabs effettiva.
Qal ukoll dak li ġara kien ta’ dak li għadda minnu l-imputat u riperkussjonijiet li għadda minnu minn naħa tal-vittma, anke jekk dan il-fatt mhuwiex skużabbli. Minbarra s-sentenza sospiża l-ħati kkundannat wkoll lil Belġjan iħallas multa ta’ elf ewro u ordni ta’ trażżin li tipprojbih milli javviċina b’xi mod lill-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin mid-data tas-sentenza. Il-Qorti qalet lill-Ispettur Zammit li għandu jara li l-ħati jħallas il-multa qabel jħalli Malta.
//= $special ?>

