Lokali

Tħassib dwar il-ġlieda vera kontra l-korruzzjoni

Tasal twissija oħra għall-Gvern ta’ Robert Abela. Dan hekk kif il-Gvern mhux qed ikun konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru minn esperti sabiex tkun miġġielda l-korruzzjoni u jkun hemm titjib tal-istandards fil-ħajja pubblika. Bil-Gvern għadu jrid jippubblika l-compliance report.

Mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru baqgħu mhux imwieġba hekk kif kelliem għall-Kastilja qal lit-Times sabiex jibagħtu l-mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Ġustizzja; liema mistoqsijiet ukoll baqgħu mhux imwġieba.

Il-Grupp GRECO – li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill tal-Ewropa u jiffoka fuq il-ħidma tal-pajjiżi Ewropej kontra l-korruzzjoni, kien wissa lill-Gvern Malti  biex jintroduċi liġijiet u miżuri ġodda sabiex jgħinu fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni.

F’Mejju tas-sena 2022, il-grupp GRECO kien ta lill-Gvern ta’ Robert Abela 18-il xahar ċans sabiex ikun konformi mar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru.

Dan hekk kif dak iż-żmien, kien ħareġ li minn Kastilja, twettqu biss 2 mit-23 rakkomandazzjoni li kien għamel ir-rapport GRECO.. turija ċara tal-falliment tal-Gvern ta’ Robert Abela f’din il-ħidma li suppost hija prijorità għal pajjiżna.

Fost l-oħrajn il-GRECO jirrakomanda li l-evidenza kollha misuba għandha ssir ammissibbli fil-Qorti u dan ikun ċar għall-awtoritajiet kollha involuti f’investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni. 

Rakkomandazzjonijiet oħra li għad iridu jiġu attwati jinkludu r-regolamentazzjoni tal-lobbying, u regoli iktar ċari dwar il-positions of trust fi ħdan il-Gvern.

Rakkomandazzjonijiet simili kienu saru wkoll mill-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galia… liema rakkomandazzjonijiet ukoll kienu injorati mill-Gvern.

Issa Robert Abela qed tkompli tiżdidlu l-pressjoni mill-grupp GRECO hekk kif fl-aħħar ta’ dan ix-xahar ikunu għaddew it-18-il xahar ċans li kien ingħata sabiex jattwa dawn ir-rakkomandazzjonijiet.