Lokali

Appell biex ikun hemm strateġija ċara wara l-introduzzjoni tal-Iskema Ewropea dwar l-Emissjonijiet

Hemm bżonn li b’mod urġenti tiġi implimentata strateġija nazzjonali sabiex ma ssirx ħsara fuq l-ekonomija lokali wara l-introduzzjoni tal-Iskema Ewropea dwar l-Emmissjonijiet – direttiva li qed taffetwa b’mod dirett lill-Freeport, u li possibbilment twassal għal żidiet akbar fil-prezzijiet tal-prodotti impurtati.

Fi stqarrija, il-Malta Maratime Forum appella sabiex tinstab soluzzjoni għal din ir-realtà illi daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar, u li qed taffetwa l-portijiet Ewropej.

Il-Forum, li jirrapreżenta settur tant importanti għal pajjiżna, saħaq illi l-Gvern għandu jaffaċja din is-sitwazzjoni xejn feliċi. Dan sabiex iħares ir-rotot marittimi, li minnhom ibbenefikajna għal deċenji sħaħ.

Il-Malta Maritime Forum spjega wkoll kif dawn ir-regolamenti ġodda se jfallu minn diversi aspetti; inkluż fil-ħsieb oriġinali tagħhom li jnqassu l-emmissjonijiet u l-livell ta’ tniġġisi.

Iżda apparti l-aspett ambjentali, hemm l-aspett parttiku – dak taż-żieda fil-prezzijiet. Fil-fatt, esperti fis-settur marittimu qed ibassu li din il-forma ta’ “taxxa” ġdida se tispiċċa tinġarr mill-konsumaturi. Bil-Forum jgħid li ħafna qed jirreferu għal dan il-piż finanzjarju bħala forma ta’ “surcharge” li se titħallas miċ-ċittadini.

Ix-xahar li għadda, l-editorjal tal-gazzetta Malta Business Weekly irrimarka illi wara li l-Gvern ta’ Robert Abela ivvota favur l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa fuq il-vapuri li jidħlu bil-merkanzija fil-portijiet tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, issa donnu waqa fil-muta u mhu jgħid xejn rigward l-impatt li din id-deċizjoni se tħalli fuq l-ekonomija Maltija u fuq il-konsumaturi.

L-istess gazzetta esprimiet tħassib serju dwar din il-kwistjoni tat-taxxa l-ġdida fuq il-vapuri, u saqsiet jekk meta ivotta favur din it-taxxa il-Gvern kienx ħa in kunsiderazzjoni l-impatt negattiv li din se jkollha – specjalment fuq l-impjiegi.