Lokali Qorti

Il-Gvern jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti li l-ġurnalisti jingħataw aċċess għall-ħabs

Id-Direttur u l-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin appella mis-sentenza tal-Qorti biex l-ġurnalist Manuel Delia jingħata aċċess għall-ħabs u faċilitajiet oħra ta’ detenzjoni. Delia kien ressaq proċeduri kostituzzjoni f’Settembru tal-2020, wara tmien talbiet li kien għamel biex iżur il-ħabs kienu ġew rifjutati.

Delia ikkonferma dan fil-blog tiegħu fejn qal li kien tressaq appell biex tinqaleb deċiżjoni tal-Imħallef Toni Abela li kien ddeċida li d-dritt tal-ġurnalisti kien qed jinkiser meta dawn ma jingħatawx aċċess biex iżuru l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jintervistaw lill-priġunieri.

Id-deċiżjoni kienet ingħatat mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili wara kawża li kien għamel l-ġurnalist Manuel Delia fejn kien ingħata raġun li l-libertà tal-espressjoni tiegħu kienet inkisret meta bħala ġurnalist kien ġie miċħud aċċess xieraq għall-ħabs u faċilitajiet oħra ta’ detenzjoni biex jirrappurta dwar il-kundizzjonijiet hemmhekk.

Delia qal li wara l-għoti tas-sentenza, t-talbiet li għamel biex iżur il-ħabs u s-servizzi ta’ detenzjoni fuq il-bażi tat-termini tad-deċiżjoni tal-Imħallef Abela reġgħu ġew miċħuda mid-Diretturi tal-Faċilitajiet ta’ detenzjoni.

Ir-raġuni li taw biex irrifjutawni l-aċċess kienet li kellhom il-ħsieb li jappellaw l-ordni tal-qorti biex hu jew ġurnalisti oħra jingħataw aċċess. Fis-sentenza tiegħu mogħtija x-xahar li għadda, l-Imħallef Toni Abela qal li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu intervisti, jieħdu ritratti u anke jiġbdu filmati ġewwa l-ħabs, sakemm jirrispettaw il-privatezza tal-priġunieri jew il-persuni ġewwa ċ-ċentri.

Delia beda proċeduri fil-Qorti fil-11 ta’ Settembru kontra l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, il-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kap tas-Servizzi ta’ Detenzjoni, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Immigrazzjoni u l-Avukat tal-Istat.

Il-ġurnalist kien talab għall-aċċess tal-ħabs u ċ-ċentri ta’ detenzjoni f’ħamest ijiem differenti f’Novembru 2019 u erbat ijiem differenti fi Frar 2020 iżda dawn it-talbiet ma ntlaqgħux.

Wara kien reġa’ talab għall-aċċess f’Lulju u Awwissu 2020. Il-Qorti kienet iddikjarat li hi sfortuna li għad hemm min għadu jaħseb bil-mentalita ta’ ‘jien ir-re u jien il-liġi’ u ma qablitx mal-eks direttur tal-ħabs Alex Dalli u uffiċjal tal-ħabs li l-ġurnalisti ma jitqisux bħala “individwi speċjali” li jistgħu jżuru l-ħabs b’mod liberu.

Filwaqt li Dalli ma kienx jagħti permess biex ġurnalisti Maltin ma jingħatawx aċċess għall-ħabs, fl-2019 fil-Qorti ħareġ li hu kien ħalla ġurnalist barrani jżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Alexander Dalli kien ta permess li ġurnalist Amrikan jidħol il-ħabs u jiltaqa’ ma wieħed mit-tliet żgħażagħ li qed jiġu akkużati bl-allegat ħtif tal-bastiment El Hiblu 1. L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit kien irrimarka li kien id-Direttur tal-ħabs stess li ppermetta li ġurnalist Amerikan jiddaħħal.  

Il-Qorti f’Diċembru ddikjarat li “l-liġi ma tistax tintuża biex toħloq ostaklu bejn il-ġurnalisti u l-pubbliku,” u laqgħet talba tal-blogger Manuel Delia li d-drittijiet fundamentali tiegħu nkisru meta ġie mċaħħad minn aċċess liberu għall-ħabs u ċ-ċentri ta’ detenzjoni. L-avukati Eve Borg Costanzi u Paul Borg Olivier irrappreżentaw lil Delia.