Edukazzjoni Lokali

Fl-ewwel 3 xhur tas-sena skolastika irriżenjaw 13-il għalliem mill-iskejjel tal-Gvern

Is-sitwazzjoni fis-settur edukattiv sejra dejjem iktar għall-agħar.

Filwaqt li l-Gvern Laburista, wara xhur ta’ negozjanti, għadu ma wasalx għal qbil mal-edukaturi, dan qed iwassal biex pajjiżna qed jitlef iktar għalliema kemm fuq livell tal-primarja u fl-iskejjel medji.

Fil-fatt, f’mistoqsija li saret mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista, Justin Schembri fil-Parlament lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Clifton Grima, ħareġ li fl-ewwel 12-il ġimgħa tas-sena skolastika li ninsabu fiha, irriżenjaw diġa’ 13-il għalliem fl-iskejjel tal-Gvern biss: 6 fil-Primarji u 7 fl-iskejjel medji. F’kelma oħra, madwar għalliem kull ġimgħa s’issa tefa’ r-riżenja tiegħu.

L-għalliema għadhom bla ebda pakkett finanzjarju minkejja li l-Gvern kien wiegħed fil-manifest elettorali, permezz ta’ proposta 251 li kellu “jkun hemm titjib sinifikanti ieħor fil-pagi tal-edukaturi matul il-ħames snin li ġejjin.” Iżda issa… sena u nofs mindu saret din il-wiegħda, l-edukaturi għadhom jistennew dan it-“titjib sinifikanti fil-pagi” tagħhom.

Dan it-tkaxkir tas-saqajn qed iwassal biex pajjiżna jitlef professjonisti li ilhom żmien twil f’dan is-settur.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ jitlef aktar edukaturi

Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Edukazzjoni, Justin Schembri f’isem il-PN intqal kif din l-istatistika tkompli tikkonferma li f’pajjiżna għandna kriżi li għandha bżonn tkun indirizzata b’mod immedjat u li quddiemha l-Gvern qed jibqa’ passiv.

Il-Partit Nazzjonalista qal li għaddew aktar minn ħames ġimgħat minn meta l-iskejjel staġnaw wara li l-edukaturi ħarġu fuq strajk nazzjonali minħabba li fallew id-diskussjonijiet bejn l-MUT u l-Gvern għax Robert Abela baqa’ ma wettaqx il-wegħda tiegħu li jagħti pakkett finanzjarju biż-żieda sostanzjali li tant ftaħar dwarha qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jifhem l-importanza li l-edukaturi jingħataw pakkett finanzjarju adegwat u xieraq għall-professjoni tagħhom.