Lokali Parlament

F’Lulju 2023 kien hawn 105,979 ħaddiem barrani f’Malta; 68,755 minn barra l-UE

F’Lulju li għadda f’Malta kien hawn 105,979 ħaddiem barrani f’Malta li minnhom 68,755 kienu minn pajjiżi minn barra l-UE.


Minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE), tal-Assoċjazzjoni taż-Żona Kummerċjali Ħielsa Ewropea (EFTA) u taż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA) f’Lulju li għadda kien hawn jaħdmu f’Malta 37,224, ħaddiem li 34,300 minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi membri tal-UE. Fl-istess perjodu, minn pajjiżi minn barra l-UE kien hawn 68,755 ħaddiem ieħor jaħdmu Malta.


Dan jirriżulta minn informazzjoni li ta fil-parlament il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Graziella Galea.


Grazilla Galea staqsiet lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol jgħid kemm kien hemm persuni mhux Maltin, li kienu reġistrati bħala li qed jaħdmu hawn Malta matul is-sena 2023, maqsuma xahar b’xahar u jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-ħaddiema u jaqsam din l-informazzjoni pajjiż pajjiż, kemm għal dawk li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll in-numru li ġejjin minn pajjiżi terzi.


Mill-informazzjoni mogħtija mill-Ministru Caruana, jirriżulta li l-aktar pajjiż tal-UE li minnu ġejjin ħaddiema jaħdmu f’Malta hu l-Italja bi 11,566 ħaddiem.


Fost il-kategorija ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu f’Malta u li ġejjin minn pajjiżi minn barra l-UE hemm, fost l-oħrajn, 13,158 Indjan, 9560 Pakistan, 8156 Nepaliż, 5144 Brittaniku, 4106 Serb, 3418 Albaniż, 3149 Kolombjan, 2779 Tork, 2146 Pakistan u 1249 mill-Bangladesh.


F’Jannar 2023 kien hawn 63,400 ħaddiem barrani minn barra l-UE jaħdem f’Malta, li komlew jiżdiedu għal 64,727 fi Frar 2023, żdiedu għal 65,616 f’Marzu 2023, telgħu għal 66,078 f’April 2023, żdiedu għal 66,713 f’Mejju 2023, naqsi bi ftit għal 67,531 f’ Ġunju 2023 u reġgħu telgħu għal 68,755 f’Lulju 2023.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet lill-Ministru Caruana jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni mhux Maltin li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija matul is-sena 2023 maqsuma xahar b’xahar, kif kienu maqsuma dawn iċ-ċittadinanzi ġodda bejn ċittadini naturali, persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija, dawk li ngħataw iċ-ċittadinanza fuq il-bażi tal-mertu jew għal xi raġuni oħra, matul is-sena 2023, maqsuma xahar b’xahar u liema kienet iċ-ċittadinanza ta’ dawn il-persuni qabel ħadu dik Maltija, pajjiż, pajjiż.

Il-Ministru Caruana wieġeb li jinsab infurmat li skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188), persuni, mhux Maltin għaliex kieku m’għandhomx għalfejn japplikaw biex issiru Maltin, jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija wara li ssir l-applikazzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att. Jirriżulta li kien 2,511 persuna li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija fl-2023.