Internazzjonali

Gaza: Talba għall-protezzjoni taċ-ċivili, bil-konflitt qed jiħrax

Il-qtil konsistenti tal-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza qed jallarma lill-komunità internazzjonali — bl-Armata Iżraeljana qed tirranka l-azzjonijiet militari kontra t-terroristi tal-Ħamas f’din il-gwerra li issa daħlet fir-raba’ xahar.

Is-sorsi f’Gaza, fl-aħħar sigħat, irrappurtaw l-għexieren ġodda ta’ Palestinjani mejtin anki waqt li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, kien għaddej b’taħditiet mal-ogħla mexxejja ta’ Iżrael. Blinken kien qed iżur Iżrael bħala parti minn tour diplomatiku fil-Lvant Nofsani.

Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Ħamas qal li talanqas 60 mewta seħħew fi sptar fiċ-ċentru ta’ Gaza u meta l-Iżraeljani qed iżidu l-offensiva fuq il-bażijiet tat-terroristi qalb il-lokalitajiet iffullati biċ-ċivili.

Inqatlu wkoll numru sostanzjali ta’ Palestinjani fit-Tramuntana ta’ Gaza –bil-qawwiet tal-ajru u tal-baħar Iżraeljani jimmiraw il-missili lejn il-faċilitajiet u siti oħra kontrollati mill-Ħamas.

Il-kelliema għall-Armata Iżraeljana qalu wkoll li eliminaw ‘il fuq minn 40 terrorista tal-Ħamas waqt sensiela ta’ rejds fl-inħawi ta’ Khan Younis, lejn iu-Nofsinar ta’ Gaza. Is-suldati fl-inħawi anki sabu network ta’ mini taħt l-art u ħażniet ta’ armamenti li kellhom jabbandunaw il-Ħamas.

Intant, Antony Blinken iltaqa’ mal-President ta’ Iżrael Isaac Herzog u mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu  u fejn huma diskutew l-aħħar żviluppi fil-Medda ta’ Gaza.

Mifhum li d-diskussjonijiet trattaw anki l-kriżi li qed tiżviluppa mal-fruntiera Iżraeljana mal-Libanu u fejn, fl-aħħar sigħat seħħew il-konfronti ġodda bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-grupp Ħeżbollah, li hu alleat tal-Ħamas u tal-Iran.

Waqt il-laqgħa ma’Herzog, Antony Blinken insista li l-Istati Uniti qed tappoġġja d-dritt ta’ Iżrael biex jaċċerta li l-komunitajiet tiegħu qatt aktar ma jisfaw mira għall-attakki terroristiċi tal-Ħamas. Fl-istess ħin, hu enfasizza l-ħtieġa li l-Iżraeljani jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jimminizzaw il-ħsara liċ-ċivili residenti f’Gaza.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan tkellem ukoll dwar il-ħtieġa tat-trasport kontinwu u konsistenti ta’ għajnuna umanitarja lil dawk iċ-ċivili.

Intant, Antony Blinken, waqt it-taħditiet mal-President Herzog u l-Prim Ministru Netanyahu, iddiskuta l-isforzi attwali lejn il-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani kollha minn idejn il-Ħamas. Dan meta Iżrael qed jikkalkula li fadal madwar 123 ostaġġ f’idejn it-terroristi u li dawn qegħdin jinżammu taħt l-art, qalb labirint tal-mini mibnija mit-terroristi Palestinjani.