Lokali

Il-15-il edizzjoni ta’ Festa Ċitru

It-Tlieta filgħodu tħabbret il-15-il edizzjoni ta’ Festa Ċitru; avveniment li il-qliegħ kollu minnu jmur għal Malta Community Chest Fund.

It-tnedija ta’ Festa Ċitru saret propju waqt attività mal-istudenti tal-iskola primarja ta’ Ħ’Attard u tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex fil-masġar taċ-ċitru tal-Palazz ta’ Sant’Anton, li fih mas-600 siġra taċ-ċitru – il-maġġoranza tagħhom larinġ.

Studenti li kienu preżenti għal din it-tnedija qalu li f’din l-esperjenza mhux waħda tas-soltu kellhom l-opportunita li jaqtgħu l-laring minn dawn is-siġar; iżda l-isbaħ aspett huwa propju l-fatt li se jkunu qed jgħinu lil dawk in-nies li għandhom bżonn il-kura.

It-tħejjijiet għal Festa Ċitru għaddejjin ukoll fil-Kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton fejn qed jinħmew għadd ta’ kejkijiet u ħelu ieħor magħmul mil-larinġ biex jinbiegħu waqt din l-attività. Dan apparti li din is-sena se jkun qed jinbiegħ ukoll żejt taż-żebbuġa magħsur miż-żebbuġ li jinqata’ mis-siġar taż-żebbuġ li hemm fil-Kitchen Garden tal-President.

F’kelmtejn lill-istudenti, il-President George Vella li kien akkumpanjat mis-Sinjura Miriam Vella, ħeġġiġhom sabiex japprezzaw xogħol il-ġardinara li matul is-sena jieħdu ħsieb is-siġar taċ-ċitru u li f’dawn il-jiem qed jaqtgħu l-larinġ għal Festa Ċitru.

Il-President fakkar ukoll lill-istudenti li Festa Ċitru hija attività oħra li ssir matul is-sena biex jinġabru l-fondi għall- Community Chest Fund; flus li huma tant meħtieġa sabiex fost oħrajn jinxtraw il-mediċini u tkun tista’ tkompli tingħata l-għajnuna lil kull min jiġi bżonn l-għajnuna.

Festa Ċitru se ssir nhar il-Ħadd li ġej, fil-Kitchen Garden f’Ħ’Attard mill-10am ’il quddiem.