Lokali Parlament

Il-pjan għal Park Nazzjonali f’Selmun għandu jitwettaq


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar appella biex il-pjan li kien beda il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa mmexxi mill-PN qabel l-2013 biex f’Selmun isir park nazzjonali, fil-fatt jitwettaq.


Fl-Aġġornament tal-parlament Robert Cutajar qal li ż-żona ta’ Selmun u l-Imġiebaħ tagħti valur miżjud lill-patrimonju ambjentali u reliġjuż u qal li jinsab sodisfatt li issa l-gvern ħareġ offerta biex il-Palazz ta’ Selmun ikun restawrat. Dan wara li hu kien ilu jitkellem għal perjodi twal.


Hu sostna li sal-2013, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien beda pjan sostenibbli biex din iż-żona tingħata l-importanza fejn anki inkisbu €1.2 mljun minn fondi Ewropej.


Dan kien pjan ta’ riġenarazzjoni taż-żona kollha iżda fl-2013 dan ma tkompliex jiġi mwettaq wara li kien elett gvern ġdid Laburista. Hu staqsa għaliex dan il-pjan ma tkompliex ikun żviluppat fil-kuntest tal-kumpless ta’ irziezet li llum jinsabu abbandunati fiż-żona. Fl-aħħar 10 snin, dan il-kumpless intuża biss darbtejn. Il-pjan kien li r-raħħala u l-bdiewa fiż-żona jingħataw spazju għaliex dan il-kumpless kellu jkun vetrina. Il-pjan kien jinkludi wkoll li l-karozzi tal-linja jidħlu sal-Palazz ta’ Selmun biex din iż-żona tkun iktar aċċessibbli.


Fil-pjan biex iż-żona ssir park nazzjonali kien hemm diversi inizjattivi iżda l-pjan biex Forti Campbell ikun devolut ma twettaqx. Il-bdiewa li għadhom jaħdmu l-għelieqi għandhom ikunu mgħejjuna u jsir ir-restawr tal-ħitan tas-sejjiegħ. Il-pjan kien jinkludi wkoll mixja sal-baħar waqt li l-Gżejjer ta’ San Pawl isiru attrazzjoni ta’ turiżmu reliġjuż inkluż il-Kappella ta’ Selmun.


Robert Cutajar qal li ma jaqbilx li f’Selmun ikun hemm lukanda kif kienet għaliex iż-żona tista’ tkun żviluppata fl-isfond ta’ agri-turiżmu.