Sport Waterpolo

Il-qawwa tas-Serbi tħalli ftit soluzzjonijiet għat-tim Malti

SERBJA………… 21

MALTA………….. 4

(5-0), (6-1), (5-1), (5-2)

Id-differenza bejn iż-żewġ nazzjonijiet kienet magħrufa mat-tlugħ tal-poloz. Ir-riżultat finali mhix sorpriża lanqas. Ma jfissirx li l-prestazzjoni kienet skont il-livell tat-tim iżda fil-ġurnata l-plejers ftit setgħu jagħmlu biex irażżnu l-qawwa tas-Serbja.

L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għat-tim Malti hekk kif l-iskwadra Maltija kienet tikkonsisti biss minn 11-il plejer. Mark Castillo kien sospiż wara li tkeċċa bi brutalità fl-aħħar logħba kontra Iżrael. Sam Gialanze u Nicholas Bugelli jinsabu ftit ma jifilħux filwaqt li Liam Galea mhux fl-aħjar kundizzjoni fiżika.

B’dan ir-riżultat, is-Serbi spiċċaw rebbieħa ta’ Grupp Ċ bi tliet rebħiet minn tlieta, skorjaw 57 gowl u sofrew biss 11-il gowl. It-tim Malti spiċċa t-tielet fil-grupp b’rebħa u żewġ telfiet. Dan kien it-tieni konfront kontra s-Serbja fil-Kampjonat Ewropew wara l-logħba tat-12 ta’ Jannar 2016. Dakinhar is-Serbja rebħet 20-2.

Is-Serbi ftit ħlew ħin biex jibdew isibu x-xibka b’kontroll assolut tal-logħba. Strahinja Rasovic spikka b’doppjetta bil-gowls l-oħra jaslu minn Dusan Mandic, Dorde Lazic minn man-up u Nikola Jaksic. F’din is-sessjoni t-tim Malti prattikament qatt ma nkwieta lill-gowlkiper Radoslav Filipovic.

Fit-tieni sessjoni, is-Serbja naqqset ftit mill-intensità madankollu baqgħu jsibuha faċli biex jaslu quddiem il-lasta ta’ Jake Tanti. Huma kabbru għal 8-0 sakemm wasal l-ewwel gowl Malti permezz ta’ Jayden Cutajar minn man-up. Fl-aħħar tliet minuti tas-sessjoni, is-Serbja żiedet tliet gowls oħra.

Il-kowċ Milan Cirovic ta spazju wkoll lill-gowlkiper Benji Busuttil. L-andament tal-logħba ma nbidilx bis-Serbi rilassati jżidu l-vantaġġ gradwalment. Jake Muscat kien naqqas id-distakk għal 13-2 b’xutt preċiż mid-distanza. Doppjetta ta’ Marko Radulovic u gowl ta’ Jaksic taw vantaġġ komdu ta’ 16-2.

Fl-aħħar sessjoni spikka Sava Randelovic b’doppjetta mill-ħames gowls skorjati mis-Serbja. Għal Malta skorjaw Nikolai Zammit b’xutt sabiħ u Jake Cachia li qabbeż b’mod delizzjuż fuq il-gowlkiper avversarju.

L-impenn li jmiss ta’ Malta hu l-Ħamis 11 ta’ Jannar f’Dubrovnik fit-8.15pm kontra s-Slovenja. F’każ ta’ rebħa, Malta tilgħab għat-13 u l-14-il post.

Serbja: R. Filipovic, D. Mandic (1), S. Rasovic (3), S. Randelovic (3), D. Lazic (1), M. Radulovic (3), P. Jaksic (1), N. Jaksic (3), N. Vico (1), V. Milojevic (4), N. Lukic, N. Rasovic (1), B. Mitrovic

Malta: J. Tanti, G. Farrugia, J. Cachia (1), J. Bonavia, J. Muscat (1), J. Cutajar (1), J. Abela, N. Zammit (1), D. Zammit, M. Azzopardi, B. Busuttil

Referees: Rik Evers (Olanda), Tomislav Copic (Kroazja)