Il-Qorti ċaħdet talba ta’ Joseph Muscat għal permess biex jappella digriet li ngħata f’Diċembru, li kien irrifjuta t-talba tiegħu li jordna li tiġi esebita l-applikazzjoni oriġinali tal-qorti mressqa min-Nutar Robert Aquilina, president tal-NGO Repubblika, li kienet tat bidu għall-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-isptarijiet Vitals Global Healthcare.
Id-digriet ingħata it-Tlieta fillgħodu, waqt seduta li damet biss 10 minuti quddiem l-Imħallef Doreen Clarke. L-avukat Vince Galea, li deher għal Muscat, talab li jitħalla jagħmel sottomissjonijiet dwar id-digriet fis-seduta li jmiss, li se ssir aktar tard dan ix-xahar.
Il-ftehim bejn il-Gvern u s-suċċessuri ta’ Vitals’, Steward Healthcare, kien ġie ddikjarat null mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fi Frar li għadda, bl-imħallef Francesco Depasquale f’dak il-każ qal li l-ftehim ta’ l-isptarijiet kien wieħed frawdolenti, u possibilment saret imġieba kriminali minn Steward… kif ukoll Vitals… u l-investituri tagħha.” Appell għal dik id-deċiżjoni sussegwentement ġie miċħud ukoll f’Ottubru, bil-Qorti hawn tmur oltre u tgħid li l-Gvern kien involut f’kollużjoni.
F’Novembru li għadda, l-avukati ta’ Joseph Muscat għamlu plejtu fil-qorti wara li l-NGO Repubblika irrifjutat it-talba ta’ Muscat biex tagħti struzzjonijiet lill-avukat tagħha biex jesebixxi kopji ta’ żewġ dokumenti, waħda minnhom hija l-applikazzjoni ta’ Repubblika għall-2019 biex titlob il-bidu tal-inkjesta dwar il-ftehim tal-isptarijiet Vitals Global Healthcare.
L-avukati ta’ Muscat kienu talbu lil Aquilina biex jesebixxi kopja ta’ żewġ applikazzjonijiet ippreżentati fl-2019 quddiem il-maġistrat inkwirenti fl-2019. Fil-pedana tax-xhieda Aquilina rrifjuta li jagħmel dan, u qal lill-Qorti li l-kumitat Repubblika kien iddiskuta t-talba u ddeċieda li ma jilqax it-talba ta’ Muscat. Muscat, li kien qed isegwi proċeduri fl-awla, fejn għal din ir-risposta deher jitbissem.
“Il-Qorti Kostituzzjonali tat digriet kontra Joseph Muscat fil-kawża li hu qed jagħmel biex iwaqqaf Maġistrat milli tkompli tinvestiga lilu u lill-kompliċi tiegħu dwar il-bejgħ frawdolenti ta’ tlett sptarijiet tal-Poplu Malti u Għawdxi.
Dik l-investigazzjoni tikkonsisti f’inkjesta li Repubblika kisbet erba’ snin u nofs ilu. Il-Qorti illum iddeċidiet li Muscat ma kellux raġun meta xaharejn ilu prova jġegħlni nesibixxi dokumenti f’dik il-kawża. Illum Muscat tilef battalja oħra.
“Jien konvint li Muscat mhux se jdum wisq aktar biex jitlef il-gwerra u jibda jħallas għall-ħniżrijiet li wettaq. Ejjew nirduppjaw l-isforzi tagħna biex niżguraw li naslu! Grazzi lill-Avukat Jason Azzopardi li qed jassistina f‘din il-kawża” qal Robert Aquilina – President ta’ Repubblika.
//= $special ?>