Ekonomija Kummerċ Lokali

In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern ta’ Robert Abela qed twassal għaż-żieda fil-prezzijiet

“Huwa żbaljat min jaħseb li l-Gvern ma jista’ jagħmel xejn rigward iż-żieda eżaġerata fil-prezzijiet. U huwa kaġun tan-nuqqas t’azzjoni mill-Gvern li l-prezzijiet qed ikomplu jogħlew ġimgħa wara l-oħra.”

Dan kien il-messaġġ li twassal fl-editorjal tal-ġurnal ‘Times of Malta’ fejn ġie spjegat għalfejn il-prezzijiet ta’ diversi prodotti – inkluż dawk essenzjali – għadhom qed jogħlew; b’eluf ta’ familji qed isibuha diffiċli sabiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

L-editorjal insista illi jekk il-Gvern ta’ Robert Abela mhux se joħroġ b’soluzzjoni konkreta, il-prezzijiet se jkomplu jogħlew u jilħqu livelli eċċessivi.

Hawnhekk l-editur sostna l-Gvern għandu jeżamina strateġiji li ġew implimentati barra minn xtutna bil-għan li jiġu regolati l-prezzijiet ta’ diversi prodotti. Dan hekk kif kemm ir-Renju Unit kif ukoll l-Istati Uniti adottaw strateġiji fejn in-negozji ma jżidux il-prezzijiet għal aktar profitt; b’mod speċjali f’perjodu fejn l-inflazzjoni ilha għaddejja b’saħħa għal diversi xhur.

L-editur spejga li dawn l-istrateġiji ma jinkludux kontroll dirett tal-prezzijiet, iżda huwa mod kif pajjiż ikun jista’ jassigura li ż-żieda fil-prezzijiet li qed jesperjenza l-konsumaturi tkun ġustifikata.

It-Times tgħid ukoll li l-ftehim li qed jipprova jdaħħal fis-seħħ il-Gvern jaf iwassal għal żieda ferm akbar fil-prezzijiet ta’ prodotti oħra – ftehim li bih Robert Abela qed jipprova jikkonvinċi lil diversi sidien ta’ ħwienet sabiex inaqqsu l-prezzijiet ta’ ftit prodotti bi 15%.

U hawn, l-editur iwassal appell sabiex l-aġenzija li tipproteġi l-konsumatur tingħata aktar riżorsi ħalli tkun tista tassigura li ż-żieda fil-prezzijiet tkun dejjem waħda ġustifikata.