Internazzjonali

It-Tajwan: Satellita taċ-Ċina żżid it-tensjoni qabel il-vot kruċjali tas-Sibt

L-awtoritajiet fit-Tajwan ħarġu allert fuq livell nazzjonali wara li satellita taċ-Ċina għaddiet mill-ispazju tal-ajru ta’ din il-gżira-Stat li qed tħejji għall-elezzjonijiet kruċjali ta’ tmiem il-ġimgħa.

It-twissija referiet għal rejd tal-ajru potenzjali, biċ-ċittadini jirċievu messaġġ fuq it-telefons ċellulari biex ‘iħarsu lilhom infushom’.

L-inċident jenfasizza t-tensjoni fost it-Tajwaniżi qabel l-elezzjonijiet leġislattivi u għall-Presidenza tat-Tajwan li se jsiru nhar is-Sibt.

Iċ-Ċina ilha tinsisti li t-Tajwan – pajjiż indipendenti u sovran – hu parti mit-territorju tagħha u fost akkużi li Beijing qed jindaħal fil-vot imminenti għat-Tajwaniżi. Ir-riżultat tal-elezzjonijiet fit-Tajwan għandu wkoll iħalli impatt kbir għar-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti.