Lokali Temp

It-temperaturi kesħin se jippersistu sal-ġimgħa d-dieħla

Il-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem ħalla diversi ħsarat f’żoni differenti madwar pajjiżna, hekk kif l-aħħar jumejn kienu ddominati minn riħ qawwi, baħar qawwi kif ukoll ħalbiet tax-xita xi kultant bis-silġ – u kollox qed jindika li għad baqalna tal-anqas ġimgħa oħra b’dan it-temp.

It-tbassir tat-temp mill-Uffiċċju Meterjoloġiku qed juri li sal-ġimgħa d-dieħla r-riħ se jkun bejn Forza 3 u Forza 5. Dan apparti li sar nhar il-Ġimgħa li ġej mistenni li jkollna aktar temp imsaħħab; b’uħud mill-ġranet iġibu magħhom maltempati bir-ragħad u s-sajjetti.

Barra minn hekk, s’issa kollox qed jindika li se nibqgħu nesperjenzaw temperaturi kesħin hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa l-ogħla temperatura se tlaħħaq l-14 -il grad celsius. Dan apparti li t-temperatura se tinżel għal 9 gradi.

Apparti l-kesħa Malta, diversi pajjiż fl-Ewropa qed jesperjenzaw temperaturi mill-aktar baxxi – bil-maġġoranza bħalissa għandhom temperaturi taħt iż-żero.

Fl-aħħar jiem pajjiżi bħall-Olanda, Ġermanja, Rumanija, Danimarka, l-Ukrajna, Norveġja, Polonja, l-Awstrija, Franza kollha kellhom temperaturi taħt iż-żero b’uħud mill-pajjiżi kellhom joħorġu diversi twissijiet lin-nies sabiex joqgħodu attenti meta joħorġu barra.

Preżentament ir-Renju Unit jinsab taħt amber alert hekk kif il-maltemp u l-kesħa qed tkompli tippersisti b’diversi rħula spiċċaw miksija bil-borra.

Ir-reġjun ta’ Oxford qed ikun milqut mill-maltempata Henk li kkawżat għargħar. B’ritratti fuq il-midja soċjali juru karozzi kif ukoll bini mgħarraq.

Franza wkoll qed tesperjenza temp mhux tas-soltu hekk kif f’lejl wieħed niżlet ħafna borra li kkawża l-għeluq ta’ toroq prinċipali għal sigħat sħaħ. Dan apparti li l-awtoritajiet qed iwissu lin-nies sabiex ma joħorġux minn djarhom minħabba l-borra.

Intant, rapporti internazzjonali qed jgħidu li t-temperaturi kesħin madwar l-Ewropa se jibqgħu jippersistu anke matul il-ġimgħa d-dieħla.