Colin Schembri
Caffè Moak Luxol…..142
Fusion Quest…………..19
(38-6)(32-2)(35-3)(37-8)
Luxol bdew l-impenji tas-sena 2024 b’rebħa kbira fuq Fusion Quest. Ftit li xejn hemm x’jingħad fuq din il-partita għajr għal fatt li Fusion niżlu b’ħames players biss wara l-walkover tal-aħħar ħarġa. Il-coach ta’ Luxol Santino Coppa ħa l-opportunita biex jagħti ħafna ħin lil players żgħażagħ u jħalli fuq il-bank għal ħin twil fost l-oħrajn lill-Amerikana Tayler Bennett u Josephine Diaby. Għażel ukoll li għal ħin twil jippressa lill-avversarji, ħaġa li kompliet tagħfas lil Fusion li spiċċaw jagħmlu total ta’ 62 turnover li minnhom sofrew 97 punt. Dan ir-riżultat, ovvjament wassal ukoll għal numri kbar fl-istatistika ta’ Luxol bħal per eżempju 42 assist u 50 steal kif ukoll 85 punt mill-fast breaks. Sarah Fenech Pace kienet biss steal ‘l bogħod minn tripple double hekk kif kellha 11 -il assist u 18 -il punt. Il-partita fetħet bi trippla ta’ Noelene Vella għal Luxol u wara żewġ free-throws mid-debuttanta ta’ Fusion Nicole Montalvo, Luxol għamlu run qawwija ta’ 33-2 fosthom bi trippla ta’ Josephine Diaby u diversi punti minn Lisa Fenech Pace u temmew il-perjodu 38-6 minn fuq. It-tieni taqsima rat lil Luxol ikomplu bl-istess andament fejn Fusion kellhom biss basket wieħed minn Maria Rita Opauski. Fost l-oħrajn Luxol għamlu 26 punt konsekuttivi fosthom minn Vanya Baldacchino u Shanice Farrugia biex daħlu jistrieħu 70-8 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni kien hemm run oħra ta’ 28-2 minn Luxol bit-turnovers ta’ Fusion ikomplu jiżdiedu. Huma għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Vanya Baldacchino u temmew 105-11 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Fusion żiedu xi ftit il-punteġġ tagħhom però l-unika nteress li kien għad fadal kien biss l-iskor finali li ra lil Luxol joħorġu rebbieħa 142-19 .
Caffè Moak Luxol: T. Bennett 4, L. Fenech Pace 25, H. Galea 2, N. Vella 9, S. Fenech Pace 18, J. Diaby 9, V. Baldacchino 25, S. Sciberras 12, S. Farrugia 14, M. Marmara 6, A. Fenech Pace 14.
Fusion Quest: H. Grixti 4, N. Montalvo 5, E. Pace, M. Opauzki 4, N. Vella 6.
Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu
Starlites JSD…….94
Hibernians………40
(16-14)(21-10)(28-6)(29-10)
Starlites JSD kisbu s-sitt rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Hibernians 94-40 biex kisbu d-double fuq il-Pawlisti. Għal Hibs din kienet ir-raba’ telfa tal-kampjonat fejn s’issa għandhom biss rebħa waħda fuq Fusion. Sat-tielet minuta tat-tieni sessjoni ma kienx jidher li c-champions se jkollhom rebħa daqshekk faċli hekk kif żewġ free-throws ta’ Lindsey Whilby poġġew lil Hibs punt minn fuq. Il-partita kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin u trippla fuq kull naħa minn Jasmine Abela u Paige Cannon taw vantaġġ ta’ punt lil Starlites 10-9. Starlites komplew b’sensiela ta’ free-throws li rawhom itemmu l-ewwel sessjoni 16-14 minn fuq. Il-bilanċ kompla fit-tieni perjodu fejn Hibs fetħu bi trippla ta’ Kaya Calleja u baqgħu fuq quddiem sat-tielet minuta 23-22. Hawn però Starlites ħasdu lill-avversarji bi break ta’ 15-0 bi trippla ta’ Mikela Riolo u punti minn Andie Saliba, Steffi De Martino u Christina Curmi biex daħlu jistrieħu 37-24 minn fuq.
Wara l-intervall, Hibs sfaxxaw għal kollox hekk kif Starlites kellhom żewġ runs ta’ 14-0 u 12-0 b’diversi punti minn De Martino, Michela Zammit Cordina, Saliba u Curmi. Bejniethom kien hemm trippla minn Iona Agius għal Hibs però Starlites temmew is-sessjoni 65-30 minn fuq. Fl-aħħar perjodu kien hemm il-punti ta’ Saliba u trippla ta’ Curmi għal Starlites qabel ma Hibs wieġbu bi trippla minn Abela. Starlites komplew bi break ieħor ta’ 12-2 u wara l-aħħar punti ta’ Hibs minn Whilby, ic-champions għalqu l-partita b’run oħra ta’ 10-0 biex ħarġu rebbieħa 94-40.
Starlites JSD: M. Zammit Cordina 5, M. Riolo 6, A. Saliba 15, M. Bonett 12, S. De Martino 18, P. Cannon 19, C. Cilia 8, C. Curmi 11.
Hibernians: M. Buhagiar 6, E. Farrugia, F.Fabok, I. Agius 11, L. Whilby 14, J. Abela 6, S. Vella, K. Calleja 3, K. Caruana, A. Mallia, J. Dabic.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu.
//= $special ?>