Lokali Parlament

L-ittestjar tal-verġinità tal-mara mhux aċċettabbli; jeħtieġ bidla fil-kultura fl-isfond tal-multikulturaliżmu


Albert Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal li l-ittestjar tal-verġinità tal-mara mhux aċċettabbli fis-soċjetà għaliex din tpoġi lill-mara f’kategorija inferjuri. Jeħtieġ bidla fil-kultura anki fost dawk li ġew jgħixu f’Malta u jipprattikawha.


Fil-parlament Albert Buttigieg qal li t-test tal-verġinità fuq in-nisa mhux aċċettabbli u għalhekk diversi entitajiet internazzjonali fosthom id-WHO u l-UN jitkellmu b’mod konsistenti kontra din il-prattika. Din hi forma oħra ta’ vjolenza sesswali fuq il-mara.


Id-deputat Nazzjonalista qal li minbarra l-aspett mediku, din hi aggressjoni marbuta ma’ mentalità prattikata f’kulturi ta’ pajjiżi oħra. Fil-kultura Maltija din il-prattika mhijiex aċċettabbli u fil-fatt mhijiex daqshekk prattikata.


Hu qal li jista’ jkun li hawn kulturi etniċi li ġew f’Malta li qed jipprattikaw din il-proċedura. Id-deputat Nazzjonalista semma’ ż-żwieġ tal-minuri u qal li din il-prattika qed titwettaq f’Malta għalkemm mhijiex aċċettabbli.


Albert Buttigieg kompla li l-ittestajr tal-verġinità mhijiex għażla libera iżda impożizzjoni kontra r-rieda tal-persuna u għalhekk hi vjolenza u aggressjoni kontra n-nisa. Id-dinjità tal-mara għandha tkun rispettata dejjem, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompla li dan it-test hu wieħed umiljanti għall-mara.


Dan minbarra li t-test joħloq diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa u anki bejn in-nisa nnfushom, bejn dawk li huma verġni u dawk li mhumiex. Dan bil-konsegwenza li jkun hemm effetti ta’ saħħa mentali li jistgħu jwasslu għat-tmiem tal-ħajja. Diskriminazzjoni oħra li jġib it-test tal-verġinità hi bejn l-irġiel u n-nisa.


Id-deputat Nazzjonalista appella għal kampanja qawwija ta’ edukazzjoni sesswali u għal rispett lejn il-persuni. Jeħtieġ li l-politika dwar is-saħħa sesswali tkun aġġornata iktar u iktar quddiem il-multikulturaliżmu.