ARKIVJI Lokali

Malta għandha tiffirma konvenzjonijiet kontra serq u esportazzjoni llegali ta’ oġġetti storiċi


Julie Zahra, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet fil-parlament li wasal iż-żmien li Malta wkoll tiffirma l-UNESCO Convention tal-1970 dwar l-importazzjoni, esportazzjoni illegali u trasferiment ta’ sidien ta’ propjetà kulturali u l-Unidroit Convention tal-1995 dwar serq jew esportazzjoni illegali ta’ oġġetti kulturali.


Dawn huma żewġ konvenzjonijiet importanti u bżonnjużi ħafna għax b’hekk wieħed ikun jista josserva dawn il-konvenzjonijiet u l-qafas li jipprovdu fl-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni aħjar fejn jidħlu aspetti ta’ patrimonju kulturali f’Malta.


Hi qalet li dan il-qafas hu regolat mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali. Att li kien daħal bis-seħħ fl-2002 bl-iskop li jtejjeb dak ilqafas ta’ liġi li kien ilu jeżisti sa mill-1925; l-Antiquities Protection Act.


Bl-Att li ddaħħal dak iż-żmien, il-Gvern Nazzjonalista għamel riforma sħiħa fis-settur tant li bidel b’mod wiesa’ kif kellu jiġu protett, issalvagwardjat u fuq kollox irregolat il-wirt kulturali tagħna kif ukoll l-entitajiet li kellhom jagħmlu dan, u kif setgħu jilħqu l-għanjiet tagħhom.


Fil-fatt, l-Att tal-2002 ħoloq is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u Heritage Malta fost oħrajn u bbaża fuq il-konservazzjoni u lpreservazzjoni ta’ dak kollu li hu wirtna. Imbagħad fl-2019, dan l-Att reġa għadda minn bidliet oħra li indirizzaw r-regolamentazzjoni ulterjuri kif ukoll l-immaniġjar tal-wirt kulturali.


Dan juri kemm anki s-settur tal-patrimonju kulturali mhux wieħed statiku u rridu wkoll allura inħarsu lejh u nindirizzawh anki skond l-isfidi u r-realtajiet tal-ġurnata. Dan l-Att indirizza r-regolarizzazzjoni tal-għoti tal-warrants lill-operaturi fil-qasam tal-konservazzjoni u restawr u li allura kellhom iwasslu għal standards ogħla fil-professjoni tal-konservazzjoni u r-restawr.


Julie Zahra qalet l-Att tal-2019, daħħal ukoll provvediment rigward il-moniteraġġ ta’ wirt kulturali mobbli u immobbli li ġie mogħti lis-Sovrintendenza. Infatti iddaħħal fil-liġi għall-ewwel darba il-moviment u importazzjoni ta’ propjeta’ kulturali f’Malta għall-iskop ta’ wirja temporanja jew donazzjoni temporanja jew bejgħ fejn is-Sovritendenza tista’ toħroġ ċertifikat li jiggarantixxi li l-Gvern jista’ jirrinunzja fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti għad-dritt ta’ preferenza u għad-dritt li jiġi pprojbit l-esportazzjoni mill-ġdid jew il-moviment tagħhom għal barra min xtutna għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data taċ-ċertifikat u garanzija.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li hawnhekk is-Sovritendenza tista’ toħroġ ċertifikat b’din il-garanzija. M’hijex obbligata iżda tista’ tagħmel dan u din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq ċerti rekwiżiti li tipprovdi l-liġi stess.


L-emenda għall-Att li qed tkun diskussa, hi dwar żieda ma’ dan l-artiklu ta’ dan l-istess Att fejn fil-każ ta’ persuni li se jirrisjedu f’Malta, s-Sovritendenza għandha toħroġ ċertifikat li jiggarantixxi li l-Gvern jirrinunzja, fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti, sakemm ma jkunx ta’ importanza nazzjonali għal Malta, għad-dritt ta’ preferenza u għad-dritt li jiġi pprojbit l-esportazzjoni mll-ġdid jew il-moviment tagħhom barra minn Malta. Dan ukoll għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data taċ-ċertifikat u l-garanzija, liema ċertifikat u garanzija jistgħu jiġu mġedda.


Fl-ewwel każ, s-Sovratendenza tista’ u fit-tieni każ, bl-emenda ġdida hekk kif proposta mill-Gvern li għandha tagħmel dan. Qisu hawn m’għandiex diskrezzjoni iżda għandha obbligu li tagħmel dan.
Hi sostniet li hi ambigwa kif fl-ewwel każ il-Gvern qiegħed jgħid li s-Sovratedenza tal-Wirt Kulturali tista’ twettaq dan, u allura iħalli lill-istess Sovratendenza element ta’ diskrezzjoni, iżda fit-tieni każ, jiġifieri dak ta’ persuni li sejrin jirrisjedu Malta, għandha tagħmel dan bilfors.


Id-deputat Nazzjonalista sostniet li l-liġi m’għandiex tagħti ħafna lok għall-interpretazzjoni, iżda tkun ċara u li tinftiehem. Fir-rigward ta’ min huma dawn il-persuni u l-parametri li jiddefenixxu r-residenza, il-liġi hekk kif proposta ma hi assolutament ċara xejn.


Minkejja li l-iskop ta’ din l-emenda fiha nniffisha hu tajjeb, għaliex inħass il-bżonn illi l-Artikolu 54 tal-Att tal-Patrimonju Kulturali jiġi estiż għal tali persuni, li mhux stabbilit x’persuni huma jew x’tip ta’ residenza se jkollhom ġewwa Malta? Hemm xi raġuni partikolari? Hi qalet li l-gvern hekk jaħdem; idaħħal emenda innoċenti fil-liġi, biex imbagħad ikun hemm xi ħadma akbar!


Julie Zahra qalet li jrid ikun definit x’inhi l-propjetà kulturali kif tagħmel il-liġi tal-Unjoni. Irridu nkunu ċerti kif pajjiżna se jkun qiegħed jiggarantixxi li Malta ma tintużax bħala mezz ta’ moviment b’mod illegali ta’ oġġetti kulturali.


Għalhekk il-liġi trid tkun ċara. Kif inhi, ma tagħtix is-salvagwardji neċessarji la għal pajjiżna u lanqas għall-istituzzjonjiet internazzjonali li Malta parti minnhom. Irridu nassiguraw li l-emenda li qed issa f’din il-liġi issir sew u li jkunu evitati r-riskji ta’ deċiżjonijiet u regoli li fil-passat wassluna għar-reputazzjoni ta’ grey listing.