Sport Waterpolo

Massimo Angileri għat-tieni darba bħala referee waqt il-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo

Ir-referee Massimo Angileri jinsab fil-Kroazja hekk kif bħalissa qed jifforma parti mill-grupp ta’ referees li qed jikkontrollaw il-logħbiet mill-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo tal-irġiel li qed isiru f’Zagreb u Dubrovnik.

Għal Angileri din hi t-tieni darba li qed jikkontrolla logħbiet f’dan il-livell wara li kien involut f’logħbiet mill-Kampjonat Ewropew tal-2018 li kienu saru f’Barcelona. Il-ħames parteċipazzjoni ta’ Malta fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fissret li Malta għandha referee għal edizzjoni f’dan il-livell. Fl-2016 Malta kienet rappreżentata minn Mario Dalli filwaqt li fl-2020 u fl-2022 kien magħżul Peter Balzan.

Massimo Angileri sa issa kien fl-azzjoni bħala referee fil-5 ta’ Jannar fil-logħba bejn is-Slovakkja u s-Slovenja mirbuħa mis-Slovakki 11-7. Hu kien involut ukoll fir-rebħa tar-Rumanija kontra s-Slovenja bħala r-referee responsabbli mill-VAR. Illum flimkien ma’ Eurico Silva se jikkontrollaw il-logħba bejn l-Olanda u s-Slovenja.