Lokali Qorti

Mixli li ħebb għal mara li kienet miexja għall-affari tagħha

Raġel ta’ 32 sena mis-Sudan li qal li jaħdem fil-kostruzzjoni wieġeb mhux ħati li fid-29 ta’ Ottubru fil-Floriana aggredixxa mara u kkaġunalha ġrieħi ħfief. L-Ispettur Gabriel Micallef qal lill-Maġistrat Abigal Critien li l-allegata vittma għamlet rapport fl-Għassa tal-Belt dwar dan l-inċident meta kienet miexja għall-affari tagħha.

Micallef qal li r-raġel ġie identifikat bħala Jumaa Ahmed li nqabad tas-Sliema nhar it-Tnejn li għadda. Mistoqsi mid-difiża li kkontestat l-validità tal-arrest kif waslu għal persuna, l-Ispettur qal li kellhom filmati tiegħu u ritratti ta’ wiċċu. Ahmed kien akkużat ukoll li inġurja u dejjaq lil mara u li kiser il-paċi pubblika.

Il-Qorti wara li semgħet il-partijiet iddikjarat l-arrest bħala validu. L-Avukat Martin Farrugia, li deher għal-akkużat bħala l-Avukat tal-għajnuna legali għamel talba għall-pleġġ fuq il-bażi li Ahmed għandu kondotta nadifa.

Din it-talba talba kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni minħabba li għad baqa’ xhieda pajżana li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-każ. Barra minn hekk qal l-Ispettur, Ahmed qal lill-Pulizija li huwa jgħix fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far meta fil-fatt dan ilu nieqes minn hemm għal xi żmien.

Tenna wkoll li l-akkużat mar għal għarrieda fuq il-mara u aggrediha minn wara. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ. Flimken mal-Ispettur Gabriel Micallef, mexxa wkoll il-prosekuzzjoni l-Ispettur Jeffrey Rizzo.