Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel bi strument li jaqta’

Ragel ta’ 29 sena mill-Gambja ġie mixli quddiem il-Maġistrat Abigail Critien li fl-10 ta’ Diċembru li għadda ħebb u kkawża ġriehi ta’ natura gravi fuq raġel ieħor bi strument li jaqta’ u bil-ponta. Hekk kif ressaq lil Lamin Seckan l-Ispettur Ian Vella qal li x-xahar li għadda l-għassa tal-Ħamrun ġiet infurmata li biswiet ħanut tal-helu, kien hemm persuna feruta u b’xi demm fuqha.

Mal-pulizija, il-vittma ndikat li l-aggressur kien jinsab f’appartament fil-Ħamrun, fejn aktar tard l-pulzija marret fuq il-post flimkien mal-vittma u ddentifikatu. L-Ispettur Vella qal li ġie infurmata li l-imputat għamel xi żmien rikoverat fl-isptar Monte Carmeli minħabba problemi ta’ saħħa mentali.

Id-difiza preseduta mill-Avukat Martin Farrugia ma talbitx għal liberta proviżorja. Talbet iżda li l-akkużat jingħata l-għajnuna neċessarja, possibilment anke evalwazzjoni psikologika sabiex jiġi diterminat fejn l-aħjar li jinżamm, liema talba kienet milquha mill-Magistrat Abigail Critien.

L-akkużi jgħidu li Lamin Seckan wettaq ir-reat fi Triq Villambrosa l-Ħamrun filgħaxija u mingħajr ħsieb li joqtol lill-vittma kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi. Huwa ġie mixli wkoll li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni. L-Ispettur Ian Vella kien mgħejjun mill-Avukat Jurgen Dalli mill-uffiċċju tal-AĠ.