Koppja miżżewwġa mill-Imtarfa nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li wettqu atti b’konotazzjonijiet sesswali fil-konfront taż-żewġ uliedhom bniet. Ir-raġel ta’ 43 sena ġie mixli li wettaq atti sesswali fuq uliedu u li allegatament dawn l-atti ilhom iseħħu għal diversi snin. Il-mara ta’ 42 sena, ġiet mixlija b’kompliċità fil-moħqrija ta’ uliedha u li ppruvat taħbi r-reat.
Waħda mill-bniet għalqet 18-il sena fil-jum tat-Tlieta, fil-ġurnata li tressqu l-ġenituri tagħha. It-tfajla l-oħra ta’ 13-il sena. Il-każ ħareġ fil-beraħ meta t-tifla ż-żgħira marret ‘sleep over’ għand ħabiba tagħha u din fetħet qalbha ma’ ommha, li mill-ewwel marret tagħmel rapport lill-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat.
Il-koppja li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom tressqu b’mod separat quddiem il-Maġistrat Abigail Critien fejn l-ewwel ma tressaq kien ir-raġel, li ismu kif ukoll isem martu mhux jissemmew fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti l-minuri.
Hu ġie akkużat li ikkorrompa minuri taħt is-16-il sena, li huma wliedu li suppost kellu d-dmir lie jieħu ħsiebhom u jedukahom u li pparteċipa f’atti ta’ natura sesswali fuq persuni li huma demmu u li ssuġġethom għal intimità fiżika,
Ir-raġel li qal li jaħdem bħala ‘deliveryman’ bl-Avukat tiegħu tal-Għajuna Legali, li aktar tard deher ukoll għal mara jitlob lill-prosekuzzjoni tgħid kif il-pulizija waslet fuq dan il-każ. L-Ispettur Godwin Scerri qal li fis-6 ta’ Jannar li għadda – tard filgħaxija, fl-Għassa tar-Rabat daħlet tifla 12-il sena li kienet akkumpanjata minn adulta.
Dawn rrappurtaw li għal dawn l-aħħar snin hi kienet abbużata sesswalment minn missierha. Dan kollu kien qed isir a konnoxenza ta’ ommha fejn it-tifla qalet lill-Pulizija li ommha kienet tgħidilha biex ma titkellem ma’ ħadd. It-tifla ż-żgħira qalet ukoll li dan l-abbuż kien qed isir ukoll fuq oħtha l-kbira,.
L-Ispettur Scerri qal li l-Pulzija tkellmet fil-privat mat-tifla fil-preżenza taċ-Child Protection UYnit u kkonfermat li dan kollu kien qed jiġri f’dawn l-aħħar snin u li setgħet kienet vittma u oħtha wkoll. Xi ħaġa li t-tifla l-kbira meta mitkellma ikkonfermat ukoll.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tinħġareġ ordni ta’ protezzjoni wkoll fuq il-persuna jew persuni li akkumpanjaw lit-tifla li kienu nvoluti fir-rapport lill-Pulizija. Il-Qorti laqgħet it-talba u avżat lill-akkużat biex ma javviċinax bl-ebda mod lil uliedu u lix-xhieda l-oħra li għandhom jiddeponu f’dawn il-proċeduri, la b’mod dirett u lanqas indirettament .
Saret talba għall-pleġġ mid-difiża li qalet li n-norma mhijex id-detenzjoni fejn din hija l-eċċezzjoni, Qalet li huwa minnu li dawn huma allegazzjonijiet serji, iżda r-raġel qed jipprotesta l-innoċenza tiegħu u għadu preżunt innoċenti, fejn mhemmx biża li jaħrab minn Malta, li jinħeba jew li jbagħbas il-provi. Dan kollu qalet id-difiża jista’ jiġi sollevat bl-ordnijiet li tista’ timponi l-Qorti.
Il-prosekuzzjoni qalet li teżisti l-biża ta’ intraċċ tal-provi u għad jonqos ukoll xi xhieda nvoluti fil-każ li jridu jiddeponu. Il-Qorti qablet mal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Wara tressqet il-mara, li qalet li hi mara tad-dar.
Hi ġiet mixlija li wettqet atti b’għemil żieni meta kellha r-responsabbilità ta’ ulieha. Ġie mixlija wkoll li ma ħallietx lil uliedha jirrapportaw l-allegat abbuż lil xi awtorità kompetenti. Bħal fil-każ tar-raġel il-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi u l-persuni nvoluti fil-każ tar-rapport lill-Pulizija.
L-akkużata wkoll bl-ebda mod ma tista’ tavviċina jew tagħmel kuntatt magħhom kemm direttament kif ukoll indirettament. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri u Wayne Buhagiar u fil-każ tar-raġel kienu mgħejjuna mill-Avukat Darelen Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>

