Atletika Sport

260 atleta fl-Istadium tal-Marsa għat-tielet meeting ta’ Rush AC

L-atletika fit-trakka rritornat fi tmiem il-ġimgħa fil-Marsa hekk kif il-klabb ta’ Rush AC organizza t-tielet edizzjoni tal-meeting annwali li fih ħadu sehem aktar minn 260 atleta ta’ etajiet differenti minn bosta klabbs u skejjel Maltin. Minkejja temp mhux ideali, l-atleti produċew numru ta’ prestazzjonijiet inkoraġġanti meta wieħed iqis li ninsabu f’fażi bikrija tal-istaġun tal-atletika.

Graham Pellegrini (Pembroke Ath) ikkonferma s-saħħa tiegħu fuq id-distanzi l-qosra b’doppjetta fuq is-60m u 300m minkejja riħ qawwi kontra. Fis-60m, huwa rebaħ b’ħin ta’ 7.07s, quddiem sieħbu tal-istess tim Luke Bezzina li daħal 0.01 ta’ sekonda biss warajh. Fit-300m, huwa sab sfida denja minn Omar El Aida Chaffey (Żurrieq W), iżda finalment ħareġ rebbieħ f’ħin ta’ 35.15s. Fuq l-istess distanzi, doppjetta wkoll għal Nick Bonnet fl-Under 16.

Fost it-tfajliet, Thea Parnis Coleiro, ta’ Rush AC bdiet is-sena preċiżament kif temmet ta’ qabilha, b’suċċessi konvinċenti fis-60m u t-300m. Fl-iqsar sprint, l-atleta ta’ 15-il sena għelbet avversarji ta’ età u esperjenza akbar u kienet l-unika tfajla li niżlet taħt it-8 sekondi, fejn kisbet ħin ta’ 7.98s, anke hawn bir-riħ deċiżament kontra. Fit-300m kellha sfida akbar, meta rebħet f’ħin ta’ 42.07s, wara dwell mal-atleta ta’ Pembroke’s Josepha Micallef (42.26s).

Fit-tellieqa ta’ 600m, rebħa konvinċenti għal Isaac Bonnici (Rush AC) b’ħin ta’ 1.24.16.

L-itwal tellieqa tal-meeting kienet fuq distanza ta’ 3000m, b’Thomas Grech ta’ La Salle

 (9.47.57) jirbaħ quddiem iż-żagħżugħ Isaac Scicluna, li għadu jikkompeti fil-kategorija tal-Under 16, li rreġistra ħin tajjeb ta’ 9.50.20.

Fit-tfigħ, Kareem Chouhal (Rush AC) seraq ix-xena b’rebħa konvinċenti fil-hammer (49.01m). Rebħiet oħra kienu reġistrati minn Bianca Shoemake fil-hammer tan-nisa b’45.42m, Sana Grillo (Pembroke) fil-pole vault tan-nisa b’qabża ta’ 3.30m filwaqt li Luke Farrugia (Rush) kiseb l-aqwa riżultat fid-discus (47.05m).

Il-long jump kien avveniment ferm popolari waqt dan il-meeting, b’29 atleta jikkompetu bejniethom, b’rebħiet għal Jamie Azzopardi (Pembroke A) u Leah Frendo (Rush AC) b’ 4.29m u 4.27m rispettivament.  Frendo kisbet id-double personali meta rreġistrat l-aqwa ħin fil-kategorija tagħha (48.09s) fit-tellieqa tat-300m.

Fi tmiem l-avveniment, id-Direttur tal-Meeting Antonella Chouhal qalet: “Il-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 260 atleta f’dan l-avveniment, minkejja l-kesħa, xita u riħ jimlina b’kuraġġ. Din il-preżenza, u anke r-riżultati miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet jirriflettu l-interess u l-livell dejjem jikber f’dan l-isport. Bħala Rush AC, se nkomplu ninvestu fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u nagħtuhom ir-riżorsi biex ikomplu jikbru u jiżviluppaw kemm bħala sportivi kif ukoll fil-karattru u l-personalità tagħhom”.