Internazzjonali

Ekwador: Irġiel armati jattakkaw stazzjon televiżiv waqt xandira diretta

Ritratt: BBC

Żewġ persuni weġġgħu f’inċident xokkanti fl-Ekwador, meta rġiel armati b’wiċċhom mgħammad daħlu fi studio tat-televiżjoni waqt programm live

L-agressuri heddew lill-istaff imwerwra u sfurzawhom joqogħdu mal-art waqt trażmissjoni diretta fuq l-istazzjon pubbliku TC, bil-għan li jikkontrollaw ix-xandira.  Waqt l-attakk cameraman kien sparat f’riġlejh filwaqt li ieħor spiċċa b’dirajgħ miksura, fost il-ħafna għajjat iddisprat. 

It-trażmissjoni ġiet maqtugħa f’daqqa, u l-Pulizija aktar tard intervjenew u għamlu 13-il arrest u ħelsu lill-persuni kollha. Żewġ impjegati weġġgħu fl-attakk.

L-attakk seħħ fost tensjoni kbira waqt stat ta’ emerġenza ta’ 60 jum, li ġie ddikjarat wara l-għajbien misterjuż tal-mexxej tal-grupp Choneros,  mill-ħabs. 

It-taqlib fl-Ekwador wassal lill-Perù biex jibgħat Pulizija mal-fruntiera, sabiex ma jħallix li l-instabilità li hemm fil-pajjiż, tinfirex.  

L-Istati Uniti kkundannat l-attakki, billi offriet assistenza lill-gvern tal-President Daniel Noboa.