Ekonomija Lokali

F’sena, il-prezz tal-proprjetà f’Malta żdied b’4.6% – fl-Ewropa l-prezzijiet naqsu bi 2.1%

Fit-tielet kwart tas-sena 2023, il-prezzijiet tal-proprjetajiet fil-pajjiżi taz-Zona Ewro komplew juru xejra ta’ tnaqqis. Dan hekk kif l-aħħar ċifri maħruġa mill-Eurostat jindikaw li l-prezzijiet naqsu bi 2.1 fil-mija.

Pajjiżi bħall-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, Franza u s-Slovakja – kollha esperjenzaw tnaqqis. Iżda b’kuntrast għal din ix-xejra, f’Malta rajna żieda ta’ 4.6 fil-mija fil-prezz tal-propjetà meta mqabbel mat-tielet kwart tal-2022.

Interessanti l-fatt li anke fil-pajjiżi Skandinavi kien hemm tnaqqis fil-prezz ta’ djar u appartamenti. U fejn kien hemm żidiet – bħal fi Spanja, l-Italja u Ċipru – dawn xorta kienu anqas miż-żidiet li rajna f’pajjiżna.