Graziella Galea, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet fil-parlament li ħadd ma jista’ jigi suġġettat għal sterilizzazzjoni, jekk kemm il-darba ma jkunx qed jagħmel dan bil-volontà assoluta tiegħu. Permezz tal-liġi fil-parlament se jiġu ntrodotti fil-kodiċi kriminali ta’ Malta, pieni għal min ikun qed jagħmel dan.
Ħadd m’għandu jwettaq sterilizzazzjoni qabel ma jkun aċċerta ruħu li l-persuna li tkun qed tagħmel dan, fil-fatt tkun taf u tkun fehmet sew ukoll x’inhuma l-konsegwenzi tal-azzjoni li tkun qed tittieħed. L-abbozz jiffoka fuq sterilizzazzjoni permanenti u rriversibli fejn meta din l-isterilizzazzjoni tkun seħħet, ma jkun jista’ jsir xejn biex fil-fatt titreġġa’ lura.
Hi qalet li hi realtà, li f’ċerti sitwazzjonijiet hemm min iħoss li jista’ jiddeċiedi, fuq uliedu, jekk għandiex issir sterilizzazzjoni nkella le, speċjalment fil-każ ta’ persuni vulnerabbli.
Trid tkun ċara li ħadd ma jista’ jiddeċiedi għal persuna oħra ħlief f’kazijiet eċċezzjonali.
Azzjoni permanenti bħal din titlob li d-deċiżjoni li tittieħed tkun waħda infurmata sew bħal x’konsegwenzi jista’ jkollha din il-proċedura, x’alternattivi hemm flok din il-proċedura. Għandhom jintużaw il-mezzi kollha possibbli biex persuna tifhem dan, anke jekk din il-persuna jkollha xi forma ta’ diżabilità.
Kull persuna, b’mod indipendenti jekk għandiex xi tip ta’ diżabilità jew le, għandha d-dritt li tiddeċiedi hi fuqha nnfisha. Fil-każ ta’ minorenni qed ikun stabbilit li ħadd ma jista’ jaghti l-kunsens tiegħu għal tali intervent, la l-minorenni stess, la l-ġenituri tal-minorenni u lanqas xi persuna oħra li tista’ tkun qed tiehu ħsieb il-minorenni. Ħadd ma jista’ jaghti kunsens għal dan l-intervent.
Kemm fil-każ ta’ persuni li għandhom iktar minn 18-il sena u kemm għal minorenni, hemm eċċezzjonijiet fejn il-proċess ta’ sterilazzjoni jista’ jsir u allura ma jitqiesx bħala reat. Dan jgħodd biss meta l-intervent mediku ma jitwettaqx bl-iskop li tinkiseb sterilizzazzjoni furzata, meta ġie meqjus medikament meħtieg minn professjonist mediku u meta tkun ġiet segwita l-prattika medika stabilità dwar l-għoti tal-kunsens infurmat mill-pazjent skont leġiżlazzjoni oħra.
Graziella Galea pproponiet li meta l-intervent ikun meqjus medikament meħtieġ minn professjonist mediku għandu jkun definit min jista’ jkun dan il-professjonist, kif ukoll il-possibilità li flok persuna waħda jkun hemm iktar minn professjonist wieħed li flimkien jiddeċiedu dwar tali proċedura.
Id-deċiżjoni dwar il-ħtieġa medika ta’ tali ntervent m’għandhiex titħalla f’idejn persuna waħda, li tiddeċiedi dwar l-istess intervent, imma għandu jkun hemm bord mediku li jiddeċiedi dwar dan, għaliex din id-deċizjoni se jkollha konsegwenza fuq il-ħajja tal-persuna.
Aspett ieħor ferm importanti jikkonċerna l-fatt li sal-mument li fih effettivament isir l-intervent, il-persuna li fuqha jkun se jsir l-intervent, tkun tista’ twaqqaf milli l-proċedura ssir. B’hekk persuna għandha tiddeċiedi dwar dan bil-volontà tagħha u tkun tista’ tbiddel id-deċiżjoni li tkun ħadet u ħadd ma jkun jista’ jisfurzaha biex tkompli għaddejja b’dak l-intervent.
L-enfasi ghandha tkun fuq il-fatt li ħadd ma għandu jipprova jwaqqaf lill-persuna kkonċernata milli jerga’ jibdhiela, dan speċjalment meta wieħed jikkunsidra li dan hu proċess irriversibbli.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li fil-każ ta’ persuni li ma jkunux kapaċi jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-intervent, minħabba xi forma ta’ inabbiltà li tiddeċiedi u li tieħu deċiżjonijiet liberi u nfurmati, ħadd, ma jkun jista’ jieħu d-deċiżjoni li l-proċess ta’ sterilizazzjoni jitkompla. Dan hu importanti li jiġi garantit u dawk li jkunu qed jaraw jekk il-kunsens hux wieħed liberu u nfurmat għandhom huma wkoll jassiguraw li fil-fatt dan ikun jista’ jiġi assigurat.
Permezz ta’ dan l-abbozz, Malta ser tkun qed tingħaqad ma’ pajjiżi oħra, inkluz 10 pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Graziella Galea qalet li wara li l-istess interventi jkunu seħħew, dawk li fuqhom ikunu seħħew l-interventi għadhom jingħataw l-għajnuna neċessarja biex huma jkomplu kemm jista’ jkun jgħixu ħajja normali fil-ħajja tagħhom wara l-intervent.
Dan hu proċess li forsi għal xi wħud ma jgħaddilux minn moħħu li jista’ jsir. Iżda r-realtà hi differenti u allura jrid ikun aċċertat li kull persuna għandha tiddeċiedi hi fuqha nnfisha mingħajr ħadd ma jimponi fuqha deċiżjonijiet dwarha stess bl-għan li din il-persuna ma jibqax possibbli għaliha li tipproduċi.