Iċ-Ċina għamlitha ċara li mhi se taċċetta qatt ‘kompromess’ dwar it-Tajwan – il-gżira-Stat sovrana u indipendenti u li f’għajnejn iċ-Ċiniżi tirrappreżenta biss ‘provinċja ribelluża li għandha tinġieb taħt il-kontroll ta’ Beijing’.
L-istqarrija ngħatat waqt l-ewwel taħditiet fuq livell militari mal-Istati Uniti mill-2021 – u fejn iċ-Ċina ħeġġet lil Washington biex ma jkomplix jagħti l-armi lit-Tajwan ‘filwaqt li jieħu bis-serjetà t-tħassib ta’ Beijing’.
It-Tajwan, bħalissa, qed iħejji għall-elezzjonijiet importanti ta’ tmiem il-ġimgħa li jistgħu jiddeterminaw jekk il-gżira-Stat titbiegħedx aktar miċ-Ċina. Madankollu hemm anki l-possibbiltà li r-riżultat tal-elezzjonijiet jippermetti għal forma ta’ avviċinament bejn il-Gvern ta’ Tajpej u Beijing.
It-Tajwan, fl-aħħar snin, dejjem insista li hu pajjiż distint miċ-Ċina — li issa stqarret li ‘’tinsab lesta biex tiżviluppa r-relazzjonijiet stabbli mal-Istati Uniti fuq bażi ta’ militar u li anki jirriflettu r-rispett għall-ugwaljanza’.
Madankollu, iċ-Ċina wissiet lill-Istati Uniti li mhix lesta għall-konċessjonijiet fl-issue tat-Tajwan. Beijing insista wkoll biex l-Amerikani jonoraw il-prinċipju ta’ ‘pajjiż wieħed’ – li hu t-terminu uffiċjali taċ-Ċiniżi biex isostnu li t-Tajwan għandu jitqies bħala territorju taċ-Ċina.
Fl-istess ħin, iċ-Ċina qed tinsisti biex l-Istati Uniti ma tappoġġjax l-indipendenza tat-Tajwan, meta l-gżira-Stat għadha issue mill-aktar delikata għaż-żewġ potenzi li qed jissieltu għas-supremazija fil-kontintent tal-Asja.
//= $special ?>