Il-Gvern qed jipprova jfixkel il-ħidma tal-Oppożizzjoni fil-parlament billi naqas milli jagħti l-approvazzjoni biex jitressqu l-ewwel qari ta’ numru abbozzi jew mozzjonijiet mressqa mill-istess Oppożizzjoni.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar oġġezzjona għal dan l-atteġġjament irresponsabbli mill-gvern waqt is-seduta tal-llum. Hu qal li dan l-aġir min-naħa tal-gvern mhux aċċettabbli. Dan anke meta l-Oppożizzjoni ilha xhur titlob il-gvern biex jagħmel l-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward.
Robert Cutajar talab lill-Ispeaker jintervjeni f’dan il-każ biex l-Oppożizzjoni titħalla taħdem bi dritt fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Robert Cutajar qal li tkellem mad-Deputat Prim Ministru u l-Whip tal-Gvern għaliex illum kienet l-ewwel ġurnata biex ikunu trattati dawn l-abbozzi. Għalhekk l-Oppożizzjoni stenniet dettalji dwar l-ewwel qari ta’ seba’ abbozzi li huma pendenti.
Id-Deputat Laburista li se tkun il-Whip Laburista ġdida Naomi Cachia qalet li se titkellem internament fil-gvern biex tingħata risposta.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li d-Deputat Prim Ministru u l-Whip tal-Gvern kienu informati dwar dan u żied li din kienet diskussa anki fil-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra.