Il-Pulizija ma kellhiex alternattiva ħlief li tidħol bil-forza biex toħroġ lil Roderick Cassar mir-residenza tiegħu fil-Qrendi. Id-diversi tentattivi falluti li saru biex Cassar joħroġ mid-dar tiegħu wasslet biex ittieħdet id-deċiżjoni li ma kienx hemm lok għal aktar negozjar. Kien għalhekk li l-Pulizija daħlet fuq il-post bil-forza u ħarġitu l-barra.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettrur Kurt Zahra meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Roderick Cassar li jinsab mixli li fit-22 ta’ Novembru tal-2022 qatel lil martu Bernice Cassar b’żewġ tiri t’arma tan-nar f’Kordin waqt li kienet sejra għax-xogħol.
Huwa qal ukoll li kien fuq il-post għall-ħabta tal-10.10am, jeżerċita l-irwol ta’ negozjatur sekondarju u dam hemm sas-2am tal-għada. Xehed ukoll l-Ispettur Omar Zammit li qal li l-irwol primarju tiegħu kien ta’ negozjatur primarju fejn ipprova jinnegozja l-ħruġ ta’ Cassar mir-residenza tiegħu.
Dakinhar ġie infurmat mill-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, illum il-ġurnata Deputat Kummissarju, li kien hemm bżonn is-servizz ta’ negozjatur biex tinħareġ persuna bil-kelma t-tajba minn residenza tagħha fil-Qrendi.
Fuq il-post meta mar sab lill-Pulizija tas-CID. Wara sar kuntatt mal-akkużat. Il-komunikazzjoni baqgħet għaddejja sas-2am. Xehed ukoll l-Ispettur John Spiteri li qal li dakinhar serva għamilha ta’ kowċ fin-negozjati.
Dak il-ħin beda jagħmel analiżi dwar dak li kien qed jgħid l-akkużat biex ikun jista’ jgħin lin-negozjatur primarju fil-komunikazzjoni. Imma l-affarijiet bdew isir aktar diffiċli.
Roderick Cassar ta’ 43 sena kien l-ewwel persuna li ġiet akkużata b’femiċidju volontarju, verżjoni aggravata tar-reat ta’ omiċidju. L-unika differenza fil-liġi bejn femiċidju u omiċidju hija li tneħħa l-kunċett tal-“crime of passion” (reat li jkun seħħ waqt passjoni stantanja) fejn jidħlu l-irġiel.
Dan il-kunċett legali ġie introdott din is-sena wara l-qtil vjolenti ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar. Għaldaqstabt l-akkużati ma jistgħux ikomplu jargumentaw li wettqu reat tal-passjoni – waħda mill-linji ta’ difiża l-aktar użati f’każijiet bħal dawn.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Marion Camilleri. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima, Angele Vella u Anthony Vella. L-Avukati Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar, Rodianne Sciberras u Stefano Filletti qed jidhru għall-familja tal-vittma. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda se tkompli fil-21 ta’ Frar.