Lokali Qorti

Konferma ta’ ħtija wara li fera’ raġel b’tazza f’Paceville

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, kkonfermat sentenza ta’ ħabs sospiża mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Dylan Mc Kay li fl-2019 wettaq ġrieħi ta’ natura gravi fuq raġel fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.

L-inċident kien seħħ fit-2 ta’ Novembru għall-ħabta tat-3.30am. Mc Kay kien ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u kien ġie ordnat iħallas €260 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Qorti kienet ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma għall-perjodu sentejn.

Mill-provi kien irriżulta li Mc Kay waddab tazza tal-ħġieġ lill-vittma x’ħin kien sejjer jaqdi l-bżonnijiet tiegħu u laqtu f’rasu. Ħareġ mill-provi, li dan seħħ wara li l-vittma għadda minn wara kolonna biex jevita li jiġi wiċċ imb wiċċ mal-akkużat.

Bejn iż-żewġ irġiel kien hemm kwistjonijiet ta’ natura serja bil-vittma jispiċċa kellu jittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura u sarulu xi punti. Min-naħa tiegħu, Mc Kay qal fl-appell li ppreżenta, li qatt ma seta’ jkun l-aggressur għax qal li l-vittma ma rahx iwaddab t-tazza. Argumenta, li fl-istabbiliment ma kienx hemm hu biss u li l-vittma għoġbu jindika lilu. Fis-sentenza tagħha, iżda, il-Qorti tal-Appell qalet li ssibha diffiċli temmen lill-akkużat u ċaħditlu l-appell u kkonfermat is-sentenza fl-intier tagħha.