Ekonomija Internazzjonali Lokali

L-attakki fil-Baħar l-Aħmar iħallu impatt anke fuq pajjiżna

Fl-aħħar jiem numru ta’ kumpaniji internazzjonali tal-vapuri ddeċidew li jbiddlu r-rotta tal-bastimenti tal-merkanzija minħabba l-attakki li għaddejjin bħalissa mir-ribelli Houthi fiz-zona tal-Baħar l-Aħmar. Dan wassal biex diversi vapuri jevitaw ir-rotta lejn il-baħar Mediterran, bil-konsegwenza li numru ta’ kontejners spiċċaw ma waslux pajjiżna.   

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Freeport jinsab f’kuntatt kontinwu mal-klijenti tiegħu dwar il-kontejners li suppost kellhom jaslu Malta fil-ġranet li ġejjin.

Fi stqarrija l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Alex Montebello qal li din hija sitwazzjoni straordinarja fejn għalkemm numru ta’ bastimenti qed jirnexxilhom jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar u mill-Kanal ta’ Suez, hemm bosta oħrajn li qed ikollhom ibiddlu r-rotta tagħhom – u allura qed jabżu l-baħar Mediterran.

Montebello qal li f’din is-sitwazzjoni l-flessibiltà hija kruċjali, filwaqt li qed jinżamm kuntatt kontinwu mal-klijenti tagħhom.

Il-Freeport jibbaża ħafna fuq kontejners li jaslu proprju mill-Baħar l-Aħmar u l-Kanal ta’ Suez, u jagħti servizz lil madwar 115-il port madwar id-dinja kollha – b’50 minnhom jinsabu fil-Mediterran.

Fl-aħħar jiem aktar minn 100 bastimenti tal-merkanzija kellhom ibiddlu l-vjaġġ tagħhom u jgħaddu mill-Afrika t’Isfel sabiex jevitaw il-Kanal ta’ Suez. Dan minħabba li r-ribelli Houthi spiċċaw jattakkaw bastimenti li kienu għaddejjin qrib il-kosta tal-Punent tal-Jemen.

Ir-ribelli Houthi li huma allinjati mal-Iran, qalu li wettqu dawn l-attakkki bi tweġiba għall-bumbardament fuq Gaza mill-Iżraeljani. Bl-Istati Uniti qed tipprova tmexxi koalizzjoni navali sabiex tipproteġi t-tbaħħir fil-Kanal ta’ Suez. 

Intant fl-aħħar sigħat il-forzi tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit irenxxilhom iwaqqgħu 21 drone u missila li kienu sparati mill-Houthi fin-Nofsinhar tal-Baħar l-Aħmar.