Lokali

“L-entitajiet pubbliċi m’għandhomx jintużaw għall-eżerċizzju ta’ propaganda politika u rigali ta’ karigi lil ta’ ġewwa” – PN 

Dak li ġara llum fl-entità Project Green hu eżempju ċar tal-mod kif qed jimxi Gvern Laburista bil-ħatriet f’karigi pubbliċi. Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Gvern Lokali u l-Amministrazzjoni Pubblika Darren Carabott, mill-Kelliem għall-Ambjent u l-Ħarsien tal-Annimali Janice Chetcuti u mill-Kelliem għat-tibdil fil-klima Eve Borg Bonello.

Fl-ewwel lok, kien hemm it-tneħħija tas-CEO tal-entità Project Green Steve Ellul, fi żmien sena mill-ħatra tiegħu, bl-iskop li joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan kollu jikxef il-maskra li l-Partit Laburista li juża fondi u riżorsi pubbliċi biex iqiegħed persuna fit-tmexxija ta’ entità biex jipprova jkabbar il-profil u joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan jikxef li l-pjan ma kienx verament li jkollna entità pubblika li taħdem għall-ġid ambjentali f’pajjiżna, iżda minflok pjan tal-Partit fil-Gvern li sena ilu qiegħdu hemm biex juża fondi pubbliċi qabel iħabbar il-kandidatura tiegħu b’mod uffiċjali mal-Partit Laburista. 

U fit-tieni lok, il-ħatra ta’ Joe Cuschieri bħala s-CEO ġdid tal-entità Project Green tqajjem l-irwiefen ta’ skandli tal-passat  – minflok nieħdu direzzjoni li nimxu ‘l quddiem. Governanza onesta u ġusta għandha timxi id f’id ma’ dak kollu mitlub biex ikollna kull tip ta’ azzjoni għal Ambjent aħjar 

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi lill-Gvern Laburista: x’inbidel mill-2020 ‘l hawn biex persuna li rreżenjat mit-tmexxija tal-MFSA abbażi ta’ allegazzjonijiet serjissimi ta’ qrubija tal-allegat qattiel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li kiser l-kodiċi tal-kondotta għall-uffiċjali għolja tal-Bank Ċentrali Ewropew u r-regolamenti tal-MFSA stess, u issa sar tajjeb biex imexxi entità oħra tal-Gvern bħal Project Green? 

Robert Abela nessa lil dan il-pajjiż x’jiġifieri li jkollok entitajiet tal-Gvern li ma jkollok indħil politiku.  

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi għal użu aħjar ta’ fondi pubbliċi. Il-Partit Nazzjonalista jesiġi għal ħatriet responsabbli u ta’ fejda.