Claudette Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg sostniet fil-parlament li persuni b’diżabbiltà intellettwali għandhom ikunu protetti minn sterlizzazzjoni kontra l-volontà tagħhom.
Claudette Buttigieg qalet li din il-proċedura ta’ sterilizzazzjoni qatt m’għandha tiġi sfurzata fuq persuna li ma tridx tagħmilha b’mod volontarju.
Id-deċiżjoni għandha tkun infurmata u iffurmata sew u għalhekk jeħtieġ ikun hemm informazzjoni dwarha fil-kuntest tal-edukazzjoni sesswali. Hi appellat biex il-persuni kollha, fosthom il-persuni b’diżabbiltà intellettwali jkunu informati dwar x’jixtiequ.
Jeħtieġ li l-gvern joħroġ kemm jista’ jkun malajr il-politika dwar is-saħħa sesswali għaliex din ilha skaduta snin; eżattament 14-il sena. Din il-politika dwar is-saħħa sesswali llum m’għadhiex rilevanti għall-mod kif żviluppat is-soċjetà. Permezz ta’ din il-politika jkunu indirizzati l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà f’dan ir-rigward. Jeħtieġ li l-pajjiż jiddefendi d-drittijiet fundamentali fil-kunetst tal-multi-kulturaliżmu li llum hawn fil-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li s-soċjetà għandha ssib bilanċ bejn l-indipendenza, l-integrità tal-persuna u l-obbligu tas-soċjetà biex il-persuni vulnerabbli jkunu protetti. Ħadd m’għandu juża l-iskuża tal-isterilizzazzjoni biex xi persuni vulernabbli jkunu protetti, sostniet id-deputat Nazzjonalista.