Lokali

Sena ġdida u t-triq tal-Imsida baqgħet f’kaos totali

Hekk kif diġà għaddiet ġimgħa u nofs mis-sena l-ġdida Triq ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex marret mill-ħażin għall-agħar. Dan hekk kif reġgħu bdew iħaffru propju wara li din it-triq ingħatat it-tarmac – biex issa qed jitlestew il-culverts mal-ġenb tat-triq.

Filmati miġbuda mill-crew ta’ Net News matul il-jum tal-Erbgħa juru l-kaos assolut li tħalliet fih din it-triq; bl-inġenji fil-ġenb u bit-tifrik li hemm kaġun tat-tħaffir li qed isir. Dan apparti li f’kull ħin tal-ġurnata qed ikun hemm serbut twil ta’ karozzi li jippruvaw jgħaddu minn din it-triq, fil-qalba tal-Imsida.

Dan il-proġett – triq ta’ madwar 400 metru – ilu għaddej għal aktar minn sena u nofs. Proġett li żgur qed ikompli jżid il-frustrazzjoni ta’ diversi residenti fiż-żona kif ukoll ta’ dawk li għandhom negozju għaliex m’għandhom l-ebda indikazzjoni dwar meta l-affarijiet se jerġgħu lura għan-normal. Għalkemm sorsi tagħna qed jindikaw li hemm il-mira li sal-ġimgħa d-dieħla jagħlqu x-xogħol kollu.

Il-proġett ta’ din it-triq tant ilu għaddej li l-Ministru li kien inawgura l-promenade f’din it-triq laħħaq tqaċċat kompletament mill-Kabinett wara li falla milli jtaffi l-problema tat-traffiku f’pajjiżna – apparti numru ta’ problemi f’diversi proġetti.

Din it-triq partikolari, ripetutament spiċċat fl-aħbarijiet hekk kif f’Jannar ta’ sena ilu wara li parti minn dan il-proġett ġie inawgurat, din it-triq spiċċat għerqet mal-ewwel ftit xita li kienet għamlet. Imbagħad f’Settembru li għadda din l-istess triq spiċċat sfrondat minn tliet postijiet differenti wara li ngħatat l-ewwel saff ta’ tarmac.

Intant, matul l-aħħar xhur numru ta’ negozji fl-Imsida tkellmu ma’ dan l-istazzjon u spjegaw kif kellhom joħorġu aktar flus sabiex inaddfu l-ħwienet tagħhom ta’ kuljum; dan filwaqt li sfortunatament kellhom inaqqsu il-ħaddiema għaliex m’għadhomx jersqu nies lejn din iż-żona kaġun tat-trab u l-ħmieġ li hemm.