Lokali

100 miljun Ewropew se jibbenefika mid-Direttiva dwar il-Karta tad-Diżabbiltà

Dalgħodu, id-Direttiva dwar il-Karta tad-Diżabbiltà kisbet appoġġ importanti hekk kif il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali approva unanimament ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-liġi l-ġdida.

“L-ugwaljanza hija valur ewlieni li fuqu hija bbażata l-Unjoni Ewropea,” iddikjara l-MEP David Casa. “Madankollu, persuni b’diżabbiltà għadhom jiffaċċjaw inqas aċċess għal ċerti servizzi u trattamenti preferenzjali meta jivvjaġġaw barra. Wasal iż-żmien li noħolqu Ewropa fejn 100 miljun persuna b’diżabbiltà jkunu fuq l-istess livell mal-bqija tan-nies u jgawdu ħajjithom bis-sħiħ.”

L-MEP Casa, wara li mexxa n-negozjati f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, se jifforma parti mit-tim tan-negozjati tal-Parlament mal-Kunsill.

“It-tisħiħ tal-karti tad-diżabbiltà u tal-parkeġġ se jippermetti lill-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal kundizzjonijiet speċjali pprovduti minn servizzi kemm pubbliċi kif ukoll privati fi stati membri oħra tal-UE fuq l-istess livell mar-residenti ta’ dawk il-pajjiżi, kif ukoll biex itejbu d-drittijiet tal-parkeġġ tagħhom madwar l-Unjoni,” spjega Casa.

“Il-karti ġodda u mtejba se jkollhom impatt pożittiv fuq il-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà tagħna u fl-ekonomija tagħna. Irridu nagħmluha aktar faċli mhux biss biex jivvjaġġaw madwar l-Ewropa, iżda biex igawdu wkoll mill-istess benefiċċji ta’ pajjiżhom waqt li jieħdu sehem fi programmi ta’ mibbiltà fl-UE bħall-Erasmus+ jew meta jmorru joqogħdu fi stat membru ieħor.”

“Huwa kruċjali li titqajjem kuxjenza dwar din il-karta kemm fost in-nies kif ukoll dawk li jipprovdu s-servizzi, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Barra minn hekk, il-karta għandha tkun aċċessibbli għal kull min jikkwalifika, u qed naħdmu bis-sħiħ biex niżguraw li l-karta tkun bla ħlas, li tinħareġ malajr, u li jkun fiha salvagwardji kontra l-użu ħażin jew frodi,” temm jgħid Casa.

Wara l-vot tal-lum fil-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew, in-negozjati mal-istati membri jistgħu jibdew ladarba l-mandat ikun tħabbar fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar.